Select Page

Il-pjanta Alocasia Polly, magħrufa wkoll bħala African Mask, hija nattiva għall-Asja subtropikali u l-Awstralja.

Din il-pjanta tippreferi ambjent imdawwal u umdu fid-dar jew ġo xi uffiċċju. Il-weraq aħdar skur tagħha għandhom forma ta’ arrowhead.

Għalkemm hija pjanta li tħobb dawl qawwi, il-weraq jistgħu jkunu sensittivi għall-ħruq tax-xemx. Qatt tħalliha f’xemx diretta, għalhekk l-aħjar li żżommha ftit ‘il bogħod minn tieqa jew wara purtiera ħafifa. Importanti wkoll li tevita milli tpoġġiha f’postijiet mudlama.

Saqqiha regolari, kull ġimgħa u żomm il-ħamrija niedja, iżda mhux imxarrba ħafna jew saturata għaliex dan jista’ jikkawża ħsara lill-għeruq. Mhix pjanta ta’ ġewwa li tittollera n-nixfa, iżda kapaċi tgħix jekk tinsa ssaqqiha f’xi drabi minn żmien għal żmien. Perjodi estiżi ta’ nixfa jistgħu jirriżultaw li l-ponot tal-weraq isiru kannella. Fix-xitwa teħtieġ inqas ilma peress li mhuwiex l-istaġun tagħha.

Il-pjanti tal-Alocasias huma kemmxejn tossiċi għall-annimali domestiċi u l-bnedmin. Tipikament, inġestjoni tikkawża irritazzjoni tal-ħalq u l-istonku u possibilità ta’ rimettar.

Uża fertilizzant ġenerali għall-pjanti tad-dar bil-ħadid kull erba’ ġimgħat matul ir-rebbiegħa u s-sajf. L-ebda fertilizzant mhu meħtieġ matul ix-xhur tax-xitwa meta t-tkabbir tal-pjanti jonqos b’mod naturali. Applika fertilizzant biss fuq ħamrija niedja, qatt niexfa, għax taħraq l-għeruq.

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks