Ikkalma!
Kemm-il darba smajniha din il-frażi… meta jkolna waqtiet ta’ nkwiet, ansjetà, rabja, u dwejjaq. Imma dawn l-emozzjonijiet huma insidjużi; iżjed ma ntuhom wiċċ, iżjed ser jaħkmuna. U meta jgħidulek “Ikkalma!” iżjed jirvillawk.
Li tkun taf tikkalma lilek innifsek, m’għandux x’jaqsam ma’ li tkun qed tobdi l-ordni ta’ xi ħadd li x’aktarx ma jifhimx dak li tkun qed tħoss. Tajjeb li jkollok ftit strateġiji li ddur għalihom meta tħoss, kif ngħidu, li se taqbiżlek iċ-ċinga, ma tkunx idea ħażina, kieku.
Iffoka. X’se tieħu billi tirrabja? Din il-kwistjoni tkun importanti l-ġimgħa d-dieħla? Ta’ min tħalli lil din il-persuna u / jew sitwazzjoni tisraqli l-paċi ta’ qalbi?
Ixrob tazza ilma. Meta l-ġisem ma jkunx idrat biżżejjed – u dan jiġri qabel ma jaqbdek l-għatx – il-moħħ ma jkunx qed jaħdem sewwa għal kollox. Għandek mnejn tħossok . anzjuż jew irrabjat bla ma taf għaliex qed tħossok hekk.
Naqqar xi ħaġa. Meta tinżillek il-pressjoni, jew iz-zokkor fid-demm, ukoll ma tkunx fl-aħjar tiegħek, u tista’ tkun ftit storduta wkoll, u ġġib ruħek mhux bħas-soltu.
Iċċaqlaq. Kultant, l-aħjar ħaġa tkun li tqum minn postok, titlaq minn fejn tkun, u tmur tiġri ġirja madawr il-blokk. Iżda jekk ma tistax tagħmel dan minħabba s-sitwazzjoni li tkun fiha, ipprova itfa’ spalltek lura u ċaqlaq is-swaba ta’ idejk u ta’ saqajk.
Ħu n-nifs. Ovvja hux – imma hawn mhux qed nirreferi għan-nifs tas-soltu, imma nifsijiet twal u fondi, li qishom jaslu saż-żokra.
Immaġina. Il-baħar? Il-kampanja? Id-dar tan-nanna? Is-sħab? Sib xi ħaga li thennik, u aħseb fuqha.
Oħroġ għall-arja. Bla ma taf, jista’ jkun li l-irwejjaħ ta’ ġewwa – ikel, għaraq, fwejjaħ, fjuri, sħanat… qed jingħaqdu flmkien u jittikawk.
Acupressure. Agħfas eżatt taħt il-widnejn, u n-nofs tal-polzijiet tiegħek, u għamel ċrieki żgħar, jekk ma tistax tiċċaqlaq minn postok.
Ilgħab b’xi ħaġa. Tista’ żżom ċagħaqa ċkejkna jew pupu żgħir fil-but, u ddawwarhom bejn subgħajk, biex tehda. Dan jevitalek li tmiss wiċċek jew ittektek il-ballpoint!
Ikteb. Ikteb dak kollu li qed idejqek; biex tkun tista’ tħalli ftit ħin jgħaddi, u terġa’ taqrah. Ikteb li tkun trid tgħid, imma ma jaqbilx li tgħidu, sakemm m’għandekx lil xi ħadd li tafdah b’ħajtek.
Kanta – jew almenu, isma’ l-mużika. Sib xi diski ta’ xi ġeneru li jogħġbok, u serraħ il-menti tiegħek għal ftit minuti. Jekk tista’ tħalli l-mużika għaddejja sakemm taħdem, ipprova ara kif tħossok meta tagħmel hekk.
Irraġuna. Qed iġġib id-dinja fit-tarf? Qed toqgħod fuq li zekziklek ħaddieħor? Se jiswielek xi ħaġa dan l-inkwiet kollu?
Kultant, iżjed ma nirrabjaw u ninkwetaw, iżjed inżidu l-inkwiet u r-rabja.
Meta tgħid, “Ma nistax nibqa’ sejra hekk…” mela allura, tinkwetax fuq il-“hekk”, għax inutli…imma ara kif se tibdlu jew tneħħih.

Kittieba
Ġurnalista
Opinjonista