Paolo kien mużiċista. Il-mużika kienet ħajtu.
Minn età bikrija kien wera interess qawwi biex jibda jdoqq strument.
U ommu kienet ħaditu jitgħallem. Ħallsitlu l-flejjes u nefqet nofs ġidha privati u lezzjonijiet tal-pjanu.
Issa llum.
Illum Paolo kien mużiċista professjonali. U kull fejn kien idoqq, kien isaħħar lil dawk kollha li kienu jisimgħuh bin-noti sottili u maġikali li kienu ġejjin mit-talent li nibet miegħu.
Dakinhar ma kinitx xi ġurnata partikolari għalih. Kien għadu kemm għadda fuq il-monti, xtara tuffieħa u kien sejjer għal għonq it-triq, imeċlaq u japprezza t-temp sabiħ tas-sajf Malti. Kull darba li kien isiefer, ix-xemx Maltija kienet l-iżjed ħaġa li kien jimmissja.
U hekk malli għadda minn quddiem il-ħanut, waqaf imeċlaq u għal mument baqa’ hemm bilwieqfa, bin-nies għaddejjin iħokku miegħu, qisu statwa tal-porċellana.
Il-ktieb tal-mużika.
Mill-ġenb ta’ għajnejh, kien lemħu.
Kien l-ewwel edizzjoni tal-ktieb tal-mużika li kien beda jitgħallem fuqu!
Insomma…….bħalu……..għax tiegħu min jaf illum fejn kien spiċċa!
Bla ma ħasibha darbtejn, tefa’ t-tuffieħa fiż-żibel u daħal fil-ħanut li kien ibiegħ il-kotba qodma u użati.
L-atmosfera laqagħtu; ir-riħa tal-kotba, it-tapit roża fin-nofs tal-ħanut, xkafef tal-injam ikkuluriti, il-ħoss tal-qanpiena ċkejkna li kienet iddoqq eżatt xħin jinfetaħ u jingħalaq il-bieb u l-wiċċ ruxxan ta’ Doris, li kienet impjegata fil-ħanut, imbaċċaċ u ferrieħi.
F’kelma waħda kien ħanut attraenti u kellu enerġija pożittiva mmens.
Lanqas kellu għalfejn jgħidilha x’kien daħal jagħmel.
“Rajtu fil-vettrina hux?” staqsietu Doris, tikxef snienha kollha bix-xedaq abjad, abjad.
Hekk malli ġabitlu l-ktieb u ħadu f’idejh, ħassu donnu jmur lura fiż-żmien. Għal mument qasir għalaq għajnejh. Ħassu jivvjaġġa lura lejn il-bidu. Il-bidu tal-karriera tiegħu tal-mużika.

Ir-rakkont ikompli l-ġimgħa d-dieħla…

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks