Il-Greċja dejjem kellha post speċjali fl-istorja Olimpika. Bejn 776 QK u 393 AD, ospitat il-logħob Olimpiku tal-qedem f’Olympia. Imbagħad, aktar minn 15-il seklu wara, ospitat l-ewwel edizzjoni tal-logħob moderni f’Ateni, fl-1896.

Minkejja l-evoluzzjoni tal-logħob matul is-snin, xi affarijiet baqgħu kostanti. Illum, l-Olimpiżmu għadu filosofija li tgħaqqad il-kwalitajiet tal-ġisem, ir-rieda u l-moħħ. Joħloq mod ta’ ħajja bbażata fuq il-pjaċir li jiġi bl-isforz, il-valur edukattiv ta’ eżempju tajjeb, u r-rispett għall-prinċipji etiċi universali.

Illum, hekk kif id-dinja timmarka l-125 anniversarju tal-Olimpjadi moderni, qed jiġi ċċelebrat ukoll il-Jum Internazzjonali tal-Isport għall-Iżvilupp u l-Paċi. Iċċelebrata kull sena mill-2013, din il-ġurnata hija rikonoxximent li l-isport jista’ jikkontribwixxi biex id-dinja ssir post aħjar. Id-deċiżjoni meħuda xi snin ilu li jkun hemm Jum Internazzjonali fis-6 t’April hija rikonoxximent tal-irwol ta’ Ateni fl-istorja Olimpika.

“Qed niċċelebraw dan l-anniversarju fi żmien meta l-valuri Olimpiċi ta’ eċċellenza, ħbiberija, rispett u solidarjetà huma aktar rilevanti minn qatt qabel,” qal il-President tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali Thomas Bach. “Il-valuri li jgħaqqduna llum huma l-istess li ġabuna flimkien 125 sena ilu. Il-logħob Olimpiku jfakkarna li nistgħu nibnu dinja paċifika u aħjar permezz tal-isport, u li nkunu aktar b’saħħitna jekk naġixxu flimkien. Il-logħob għandhom din il-qawwa li tgħaqqad li għadha sal-lum bħalma kienet lura fl-1896.”

Il-logħob tal-1896 kważi ma seħħx. Meta ż-żagħżugħ Pierre de Coubertin esprima l-ewwel darba l-idea li jerġa’ jagħti l-ħajja lil-logħob Olimpiku fl-1892, huwa kellu bosta kritiċi.

Pierre de Coubertin

Madanakollu, id-determinazzjoni u r-reżiljenza tiegħu ġew ippremjati fil-Kungress Internazzjonali ta’ Pariġi għar-Ristabbilment tal-Logħob Olimpiku. Iktar minn 15-il seklu wara li l-logħob kien twaqqaf fis-sena 393 wara Kristu, id-delegati fil-laqgħa ta’ Pariġi fl-1894 qablu li jerġgħu jibdew il-logħob, u għażlu lill-Greċja, il-post minn fejn oriġina l-Olimpiżmu, biex jospitahom.

Dak iż-żmien, il-logħob Olimpiku f’Ateni, fl-1896 kien l-akbar avveniment sportiv internazzjonali sal-lum, b’madwar 241 atleta jikkompetu minn 14-il pajjiż. Madwar żewġ terzi tal-atleti kienu Griegi u, bl-eċċezzjoni tal-Amerikani u Edwin Flack tal-Awstralja, l-oħrajn kienu mill-Ewropa wkoll. L-istejjer tagħhom daħlu fil-leġġenda Olimpika.

Fis-6 t’April, James Connolly mill-Istati Uniti sar l-ewwel champion Olimpiku f’aktar minn 1,500 sena, u rebaħ it-triple jump, qabel spiċċa t-tielet long jump u t-tieni fil-high jump ukoll.

James Connolly

Ir-runner Grieg Spyridon Louis għamel unur lil pajjiżi billi rebaħ il-maratona ikona. 4 kilometri mil-linja finali, huwa mar fil-vantaġġ biex jirbaħ b’aktar minn 7 minuti.

Spyridon Louis

L-għawwiem Ungeriż Alfréd Hajós, ta’ 18-il sena, għeleb il-baħar iffriżat tal-Mediterran u l-mewġ għoli ta’ 4 metri, għalkemm l-akbar rebħa tiegħu aktarx kien il-fatt li baqa’ ħaj! Għat-tellieqa ta’ 1200 metru, l-għawwiema vvjaġġaw ‘il barra bid-dgħajsa, imbagħad għawmu lura lejn ix-xatt. Is-saff oħxon ta’ grass imċappas fuq il-ġisem ta’ Hajós kien ftit protezzjoni kontra l-kesħa.

Alfréd Hajós

“Ir-rieda tiegħi li ngħixu għelbet kompletament ix-xewqa tiegħi li nirbaħ,” kien qal.

Il-logħob moderni tal-lum evolvew bil-kbir minn Ateni 1896, u saru dejjem aktar inklussivi. In-nisa ddebuttaw f’Pariġi fl-1900. Aktar minn 11,000 atleta minn 206 Kumitati Olimpiċi Nazzjonali kkompetew fil-logħob Olimpiku Rio fl-2016, li kienu wkoll l-ewwel li laqgħu lit-Tim Olimpiku tar-Refuġjati tal-KOI. Fl-2010, Singapor ospita l-ewwel Olimpjadi taż-Żgħażagħ.

L-ewwel logħob Paralimpiku tas-Sajf sar f’Ruma fl-1960, segwit mill-ewwel logħob Paralimpiku tax-Xitwa fl-1976 fl-Iżvezja. Mil-logħob Olimpiku ta’ Seoul 1988, u l-logħob Olimpiku tax-Xitwa Albertville 1992 il-logħob Paralimpiku ħa sehem fl-istess bliet u postijiet tal-logħob Olimpiku, minħabba ftehim bejn il-KOI u l-Kumitat Paralimpiku Internazzjonali.

Ħafna similaritajiet jibqgħu bejn Ateni 1896 u issa. Il-logħob huwa dejjem opportunità biex wieħed jimpenja ruħu maż-żgħażagħ filwaqt li jippromwovi s-saħħa, l-edukazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-komunità. F’dinja fejn sfidi kumplessi jeħtieġu kollaborazzjoni internazzjonali, il-logħob Olimpiku jibqa’ l-uniku avveniment fid-dinja li jilqa’ atleti minn tant nazzjonijiet differenti, f’kompetizzjoni paċifika.

Mill-1993, l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti bdiet tirrikonoxxi regolarment ir-rwol li l-IOC, il-logħob Olimpiku u l-isport jista’ jkollhom b’mod aktar ġenerali biex jikkontribwixxu għal dinja aħjar u paċifika.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks