Il-kolesterol huwa tip ta’ xaħam li jiġi magħmul mil-ġisem uman, fuq bażi kontinwa, minħabba li huwa jifforma parti essenzjali mill-membrani taċ-ċelloli, u kif ukoll jintuża għall-formazzjoni ta’ ċertu ormoni, u tipi ta’ aċti, bħal dawk li jinsabu fil-fwied u fil-marrara.
Min-naħa tad-dieta, is-sors ewlieni tal-kolesterol jiġi primarjament minn xaħmijiet derivati mill-annimali, bħall- ħalib, isfra tal-bajd, ġobnijiet, laħam, partikolarment dak ta’ kulur aħmar, u kif ukoll, mill-frott tal-baħar. Ikel ieħor ipproċessat, bħall-pizza, butir, jew pastizzi, ukoll huwa għoli fil-livelli ta’ xaħam. Għaldaqstant, huwa importanti ferm li wieħed joqgħod attent kemm jikkonsma xaħam fl-ikel tiegħu ta’ kuljum. Dan għaliex, kif diġà semmejna, il-ġisem diġà jkun qed jipproduċi l-kolesterol kuljum, allura; dak ix-xaħam kollu li nikkunsmaw minn diversi sorsi ta’ ikel, huwa pjuttost żejjed.
Il-kolesterol, jew inkella x-xaħam għoli fid-demm, huwa riskju maġġur għall-mard kardjovaskulari minħabba li dan jgħin biex jidjiq id-dijametru ta’ diversi arterji prinċipali, u biż-żmien, dan jista’ jwassal għal nuqqas ta’ ċirkulazzjoni tad-demm għall-organi vitali, bhall-mohh, jew il-qalb, u jikkaġuna mard serju, bħall-puplesiji, attakki tal-qalb, jew djuq fl-arterji tas-saqajn.
Għalhekk, huwa siewi li wieħed jiċċekkja l-livell ta’ xaħam fid-demm, b’mod regolari. B’sempliċiment test tad-demm, it-tabib jista’ jkun jaf jekk wieħed ikunx qed ibati minn kolesterol għoli, li normalment ma jkun qed jikkaġuna l-ebda sintomi, sakemm ma jkunx tard wisq. Meta wieħed jinterpreta r-riżultat tad-demm, ikun irid iħares lejn il-livell totali ta’ kolesterol fid-demm, li normalment irid ikun bejn 2 – 5 mmol/l. Però, huwa importanti wkoll li wieħed iżomm il-livelli ta’ kolesterol hekk imsejjaħ ħażin, li jiġi primarjament mill-Low Density Lipoprotein, u t-Triglycerides, baxxi kemm jista’ jkun. Diversi studji juru li dawn iż-żewġt tipi ta’ xaħam fid-demm, jagħmlu iktar ħsara lill-ġisem, meta jiġu kkumparati mal-kolesterol it-tajjeb, jew aħjar il-High Density Lipoprotein.
Sabiex wieħed iżomm il-livell ta’ xaħam fid-demm baxx, għandu jfittex li jitlef il-piż żejjed, u jirregola d-dieta tiegħu billi jiekol ikel mhux ipproċessat, li huwa baxx fix-xaħmijiet. Wieħed għandu wkoll jevita li jadotta stil ta’ ħajja sedentarja u jżid l-attività fiżika. Jekk wieħed minn tal-inqas jagħmel bejn 30 – 60 minuta ta’ eżerċizzju fiżiku, imqar minn 3 sa 5 ijiem fil-ġimgħa għandu jkun biżżejjed.
Jekk dawn l-attentati ifallu, u l-livell ta’ kolesterol fid-demm xorta jibqa’ għoli, it-tieni pass huwa li wieħed iżur lit-tabib tiegħu, sabiex tkun tista’ tingħata mediċina, bħal Statins jew Fibrates, li tgħin biex wieħed inaqqas il-livelli ta’ xaħam għoli fid-demm.
Jekk tixtieq issegwi l-blog tiegħi tista’ tagħmel dan billi tagħmel ‘like’ fuq din il-paġna ta’ Facebook:
×Be Holistically Healthy, MD× | Facebook
Jekk għandek xi mistoqsijiet li trid tistaqsi jew xi suġġett li tixtieq li nitkellmu dwaru ibgħatilna fuq info@skoperta.net

Tabiba