Select Page

Wara l-aħħar artiklu dwar “Meta l-ġenituri jisseparaw” kellna ħafna mistoqsijiet.. u kummenti differenti. Tajjeb li ngħidulkom li kull każ huwa differenti u ċerti kwistjonijiet ikunu jeħtieġu attenzjoni individwali, anki għall-fatt li wieħed irid jisma’ l-istorja kollha u jidħol fid-dettal biex ix-xogħol isir sew. Għaldaqstant għalkemm aħna nagħmlu li nistgħu biex inwieġbu xi domandi permezz tal-artiklu iżda meta hemm sitwazzjonijiet urġenti, importanti li nfakkrukom li għandkom tfittxu sapport minn professjonisti mill-aktar fis possibli, kemm permezz ta’ servizzi privati kif ukoll dawk bla ħlas ipprovduti minn aġenziji differenti.

Mistoqsija li staqsew ħafna hija l-mistoqsija “Għandi nibqa’ fi żwieġ minħabba t-tfal?” Din hi mistoqsija li jistaqsu ħafna u fir-realtà m’hemmx tweġiba definittiva għax kull każ huwa differenti. Però ħassejna l-bżonn li nidħlu ftit aktar fid-dettal dwar dan permezz ta’ dan l-artiklu.

Din il-mistoqsija ġġib magħha mistoqsija oħra li tajjeb li wieħed jirrifletti fuqha – it-tfal kif se jħossuhom l-aħjar, meta l-ġenituri qed jgħixu taħt l-istess saqaf bi ġlied kontinwu jew inkella meta l-ġenituri qed jgħixu separati minn xulxin iżda aktar kalmi?

Ir-riskji meta jkun hemm il-problemi u l-ġenituri jkunu għadhom jgħixu flimkien.

Ir-riċerka tgħid li jekk it-tfal qed jgħixu taħt saqaf fejn b’mod kontinwu qed jesperjenzaw emozzjonijiet ta’ rabja, frustrazzjoni, uġigħ u ġlied, iċ-ċans hu li jieħdu eżempju ħażin ta’ x’jiġifieri li tkun ġenitur tajjeb u dan jista’ jinġarr magħhom għall-ġenerazzjoni li jmiss. Hemm implikazzjonijiet b’saħħithom li jekk il-ġenituri ma jafux kif jiffaċċjaw kunflitt se jkun hemm ħsara psikoloġika fuq it-tfal speċjalment jekk dawn qed jiġu esposti għal din it-tip ta’ ħajja.

Xi wħud mit-tfal se jesperjenzaw dak li bl-Ingliż ngħidulu neglect. Dan se jkun kemm fiżiku jiġifieri pereżempju nuqqas ta’ ikel jew mhux ikel bnin jew il-ġenituri rari jiltaqgħu għax meta jiltaqgħu jiġġieldu. Anke nuqqas emozzjonali jekk it-tifel jew tifla jħossu n-nuqqas ta’ wieħed mill-ġenituri, anke jekk dawn ikunu għadhom jgħixu taħt l-istess saqaf imma jħossu li l-ġenituri qed jaħsbu għal rashom.

Jekk il-ġenituri jindunaw li ma jistgħux jibqgħu jgħixu flimkien minħabba ġlied, pika kontinwa u anke forsi jkunu attendew couple’s therapy u rrealizzaw li mhux tajbin biex jgħixu flimkien, din tista’ tkun indikazzjoni aktar ċara li wieħed irid jimxi għad-divorzju jew separazzjoni.

Il-valur li wieħed jibqa’ flimkien.

Ir-riċerka wkoll tgħidilna li jekk il-ġenituri għalkemm mhux iħossuhom tajjeb flimkien iżda jirnexxilhom iżommu l-paċi u kooperazzjoni bejniethom dan ikun ta’ ġid għall-ulied. Jekk il-ġenituri jirnexxilhom iżommu l-paċi u mingħajr ma jesponu lil ulied għal ħafna ġlied u pika jkun allura aħjar li jibqgħu jgħixu taħt l-istess saqaf anke jekk mhux kuntenti flimkien.

Allura, kif se niddeċiedi għandix immur għad-divorzju jew le?

Din mhix deċiżjoni faċli iżda mhix impossibbli ..

Wieħed irid jistaqsi dan li ġej:

  • Jeżisti abbuż? – ikun ta’ ħsara kbira jekk l-ulied qed jiġu esposti għal abbuż sesswali, fiżiku jew psikoloġiku. Jekk il-ġenitur li jabbuża ma jurix lok għal bidla allura f’dan il-każ wieħed jista’ forsi jiddeċiedi li jsir il-pass…
  • Il-ġenituri kapaċi jikkoperaw ma’ xulxin anke jekk ma jaqblux? – jekk il-ġenituri huma maturi biżżejjed li għalkemm ma jaqblux bejniethom u li kieku m’hemmx it-tfal kienu jisseparaw iżda minħabba t-tfal iħallu ħajjithom on hold, din tista’ taħdem, jekk Il-ġenituri mhumiex jirnexxilhom jikkoperaw allura wieħed jista’ forsi jiddeċiedi li jsir il-pass
  • Nistgħu nsewwu ż-żwieġ b’xi mod? – Qabel ma wieħed imur għas-separazzjoni irid jara jekk sarx xogħol biex wieħed isalva ż-żwieġ, jekk wieħed ikun għamel ċertu xogħol bħal pereżempju marru couple’s therapy imma l-ħsara li saret hija rreparabbli, allura wieħed jista’ jiddeċiedi li forsi jagħmel il-pass.
  • Is-seperazzjoni hija inevitabbli? – jekk wieħed jirrealizza li forsi jkun aħjar għal kulħadd li jsir il-pass u jsir qbil dwar kif wieħed se jissepara jista’ jkun li l-ulied fl-aħħar mill-aħħar ikunu kalmi u kuntenti anke jekk isir il-pass għax għalkemm il-ġenituri mhux qed jgħixu taħt l-istess saqaf xorta jkunu committed għal uliedhom u xorta jikkoperaw ma’ xulxin għall-ġid tal-ulied.

Din mhix deċiżjoni faċli u kif għidt fil-bidu m’hemmx tweġiba perfetta u preċiża għax kull każ hu differenti..

F’dawn iċ-ċirkostanzi li nfittxu sapport professjonali hu importanti ħafna biex innaqqsu t-tbatija għal kulħadd u d-deċiżjoni li nkunu ħadna tkun aktar infurmata u mhux waħda mgħaġġla..

Dan jista’ jgħinna nħossuna aħjar anke f’mumenti diffiċli..

Awguri u tislijiet..

Jekk għandek xi suġġett partikolari li tixtieq li nitkellmu dwaru, ibgħatilna fuq info@skoperta.net

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks