F’konferenza tal-aħbarijiet li saret ftit tal-ħin ilu, il-Prim Ministru Dr Robert Abela flimkien mal-awtoritajiet tas-saħħa ħabbru bosta miżuri li se jkunu qed jiġu rilaxxati fil-jiem li ġejjin.
Minn nhar it-Tnejn 12 t’April:
- Jiftħu ċ-ċentri taċ-chuldcare u kindergarten.
- Jiftħu l-iskejjel primarji.
- Ikomplu l-operazzjonijiet skedati fl-isptar Mater Dei.
- Jerġgħu jibdew iż-żjarat fid-djar tal-anzjani.
Minn nhar l-Erbgħa 14 t’April:
- Jiftħu l-middleschools.
Minn nhar il-Ġimgħa 16 t’April:
- Jiftħu l-iskejjel sekondarji.
Min-nhar it-Tnejn 26 t’April:
- Jiftħu l-ħwienet meqjusa mhux essenzjali.
- Jibdew jingħataw is-servizzi meqjusa mhux essenzjali.
- Se jkun permess grupp ta’ 4 persuni fil-pubbliku.
Fil-każ tal-iskejjel il-Prim Ministru qal li dan kollu se jseħħ bil-protokolli meħtieġa u bl-akbar attenzjoni iżda t-tfal ma jifilħux jitilfu iżjed mill-esperjenza edukattiva tagħhom.
Dwar il-miżuri l-oħrajn huwa qal li se jibqgħu fis-seħħ u se jibqa’ jkun hemm infurzar, filwaqt li fakkar ukoll li l-miżuri li ġew rilaxxati jistgħu jerġgħu jiddaħħlu lura, b’mod partikolari jekk l-isptarijiet ikunu taħt pressjoni u għalhekk irridu nkunu responsabbli.
Żied jgħid ukoll li b’hekk inkunu nistgħu nħarsu ‘l quddiem lejn il-ftuħ tar-ristoranti, il-bars, ir-ritorn tal-isport organizzat u ta’ attivitajiet oħrajn. Qal ukoll li flimkien mal-awtoritajiet tas-saħħa, il-Gvern skeda l-1 ta’ Ġunju bħala l-moral li nerġgħu niftħu t-turiżmu b’mod proattiv.
Fl-ewwel reazzjoni tagħha dwar il-ftuħ tal-iskejjel, l-MUT qalet li qed tittama li bir-rilaxx ta’ dawn il-miżuri ma jerġax ikollna mewġa oħra ta’ każijiet li fi kliemha jipperikolaw is-saħħa ta’ kulħadd.
Fakkret ukoll li għad hemm mijiet ta’ edukaturi li għadhom ma rċevewx l-appuntament għall-ewwel doża tal-vaċċin, filwaqt li l-appuntamenti għat-tieni doża jibdew minn Mejju li ġej.
Enfasizzat li l-komunità kollha, partikolarment familji u nies li jiġu f’kuntatt mat-tfal u mal-ħaddiema kollha fl-iskejjel, għandha tkompli ssegwi l-miżuri kollha skont il-protokolli. Dan għaliex bil-varjant qed ikun hemm numru kbir ta’ tfal li jieħdu l-virus.
Filwaqt li kkundannat l-attakki li qed isiru fuq il-ħidma tal-edukaturi, l-MUT irringrazzjat lill-edukaturi kollha għax-xogħol kbir li għamlu sabiex jadattaw għaċ-cirkostanzi diffiċli.
