Kull tant żmien Peppi jaqsam ħsibijietu dwar kwistjonijiet partikolari relatati ma’ dak li jkun qed jiġri permezz ta’ filmati li jiġu mtellgħin fil-paġna ta’ Xarabank fuq Facebook.
Aktar kmieni llum ittella’ filmat ieħor li fih Peppi fakkar f’wieħed mill-programmi ta’ Xarabank fejn fih kien hemm mara Musulmana li bdiet tinsisti li tibqa’ tilbes il-burka. Huwa fakkar li r-reazzjoni tan-nies kienet waħda negattiva u qalgħet ħafna tgħajjir. Huwa qal li saħansitra kien hemm min qalilha “Go back to your country”, meta din il-mara hija fil-fatt Maltija.
Qal ukoll li anki hu rċieva ħafna tgħajjir minħabba l-fatt li ħa pożizzjoni li din il-mara għandha dritt tilbes il-burka, saħansitra kien hemm min qal li kiteb lill-Prim Ministru biex jeżiljah. Qal li fost oħrajn kien hemm uħud li qalulu “Għax ma tordnax lill-mara tibda tilbes il-burka”. Skont Peppi, dan seħħ għall-fatt li fiċ-ċirkostanzi li qiegħdin fihom irridu nilbsu l-maskri, li jgħattu parti kbira mill-wiċċ.
Kompla jsemmi ċerti reazzjonijiet li qamu, inkluż anki mill-Ministru ta’ dak iż-żmien dwar din il-kwistjoni. Qal li kien hemm min irrimarka li l-fatt li tintlibes il-burka jista’ jwassal għal serq. Fl-istess waqt fakkar li din il-mara u l-erba’ nisa oħra li kienu jilbsu l-burka ffirmaw dikjarazzjoni fejn kienet tgħid li huma lesti li jikxfu wiċċhom meta jitolbuhom.
Skont Peppi, dawn ir-reazzjonijiet ġew mill-fatt li għax din il-mara hija Musulmana u mhux għal diversi raġunijiet li ngħataw, li hu rrefera għalihom bħala skużi.
Filwaqt li reġa’ rrimarka li llum kulħadd spiċċa jgħatti wiċċu minħabba l-pandemija, huwa kkonkluda l-filmat billi qal li xi ħadd kien qallu dwar il-fatt li l-Musulmani jistgħu jieħdu over u nibdew niżżewġu żewġ jew tliet nisa.
It-tweġiba ta’ Peppi għal dan kienet; “Vera, le, le mhux sewwa niżżewġu żewġ nisa jew tlieta. Aħna l-irġiel ikollna żewġ nisa jew tlieta, imma ma niżżewġuhomx.”
