Nitkellmu ma’ Sarah Camilleri

Sarah, fl-ewwel żewġ episodji tas-serje Nostalġija ltqajna mal-karattru li qed tinterpreta, dak ta’ Marija. X’tista’ tgħidilna dwar dan il-karattru?

Marija hija mara tal-ġabra tal-familja. Tagħmel minn kollox biex iżżomm l-għaqda fil-familja, anke jekk tbati hi stess. Ir-refuġju tagħha huma wliedha u l-pariri tal-kappillan, li jemmen li t-talb jinstema’. S’hawn nista’ ngħid għalissa.

Bħalissa qed tinterpreta wkoll żewġ karattri impenjattivi f’żewġ produzzjonijiet differenti. F’Division 7 bil-karattru ta’ Chloe u f’Fattigi bil-karattru ta’ Catherine. X’tgħidilna dwar l-esperjenza tiegħek biż-żewġ karattri? Evolvew kif xtaqt?

Iva, bħalissa qed ninterpreta lil Chloe u lil Catherine, żewġ karattri differenti ħafna minn xulxin, però t-tnejn li huma determinati u jaħdmu għal dak li jemmnu fih. It-tnejn huma indipendenti u jiġġieldu għat-tajjeb. Meta ġejt avviċinata biex ninterpretahom, fiż-żewġ produzzjonijiet kont naf il-karattru sew u anke fejn il-karattru jixtieq jasal, però ma kontx naf l-istorja kollha jew fejn se jispiċċaw. Dan għall-fatt li ilhom għaddejjin 3 u 5 snin u allura l-istejjer jevolvu ħafna, u magħhom il-karattri. Ix-xewqa tkun primarjament tal-kittieb u mhux tal-attur, imbagħad tad-direttur. Kelli x-xorti li fiż-żewġ produzzjonijiet, l-awtur u d-direttur huma l-istess persuna, u hekk tkun iktar faċli tifhem dak li l-kittieb jixtieq mill-karattru. Kont qed naħdem ukoll fuq “Nostalġija” bil-karattru ta’ Marija li beda jintwera mit-Tnejn, 29 ta’ Marzu. Marija hija totalment differenti minn Catherine u Chloe, u dak il-pjaċir tiegħi meta nibda drama ġdida.

Hija faċli li tkun qed tieħu sehem f’aktar minn produzzjoni waħda fl-istess żmien?

Jien ma taffettwani xejn li ninterpreta iktar minn karattru wieħed fl-istess żmien. L-importanti hu li tqassam il-ħin sew u li jkollok biżżejjed ħin iddedikat għal kull produzzjoni li tkun fiha. Importanti ħafna, li tagħtihom kollha l-istess importanza. Jien nemmen li jekk hux faċli jew le, jiddependi ħafna minn dak li tkun tħobb tagħmel u kemm ikollok determinazzjoni. Jien minn età żgħira ħafna dejjem tgħallimt f’dixxiplina stretta tal-arti, permezz taż-żfin, u allura minn dejjem kien normali għalija li apparti x-xogħol tal-iskola, kien ikolli ‘training’ kulljum, kemm jekk hija festa, u anke jekk inkun ma’ niflaħx, jew b’xi injury miż-żfin stess. Allura għalkemm ġieli ġejt ikkritikata fuq dan l-aspett, inħossni kburija li, tgħallimt inqassam xogħli tajjeb minn età żgħira u b’hekk ma nsib l-ebda problema li nkun f’iktar minn produzzjoni waħda, u anke nagħmel teatru fl-istess żmien. Anzi llum naqqast ħafna.

Kif nibtet il-passjoni tiegħek għar-reċtar?

It-teatru minn dejjem affaxxinani. Niftakar meta kont l-iskola, sħabi kienu jagħtuni kotba relatati mat-teatru u kont nistudjahom. Meta kelli erba’ snin, ommi ħaditni għal-lezzjonijiet taż-żfin bħal oħti, u hemmhekk doqt il-maġija. Prattikament, iktar ma kbirt, iktar kont ngħix għalih. Jien kont nippreferi niżfen u nipprepara għall-produzzjonijiet teatrali u għall-ezamijiet milli noħroġ ma’ sħabi. Meta kelli xi 12-il sena wieħed mill-eżamijiet taż-żfin kien jinvolvi reċtar ukoll, u fl-istess żmien bdejt niġi nvoluta bħala żeffiena f’musicals. Fi musical, l-artisti jridu jiżfnu, ikantaw u jirreċtaw. Fil-waqt li ħafna miż-żeffiena kienu jiddejqu jirreċtaw u jkantaw, u qatt ma kienu jitgħallmu l-kliem tal-kanzunetti, jien kont inkun fis-seba’ sema. Allura ddeċidejt li nibda lezzjonijiet ta’ Musical Theatre, u anke tar-reċtar.

Kemm ilek attriċi? U kif bdiet il-karriera tiegħek?

Issa ili xi 24 sena. Niftakar darba kont qed nikkorjografa u niżfen f’produzzjoni teatrali, u d-direttur, li kien Narcy Calamatta kien ġie fuqi u qalli “lilek irrid intik parti fuq it-televiżjoni”. U kien tani parti żgħira f’Wenzu u Rożi. Din kienet produzzjoni ta’ AudioVision, li kien imexxiha Charles Xuereb. Charles, għażilni minn din il-produzzjoni biex nagħmel il-parti ta’ Rożina, f’Is-Salib Tal-Fidda. U minn hemmhekk bqajt sejra minn produzzjoni għall-oħra. Nibqa’ grata għal Narcy u Charles, li kienu l-ewwel tnejn min-nies li emmnu fija.

Liema karattru milli interpretajt s’issa kien l-aktar ta’ sfida? U għaliex?

Bla dubju, kien il-monologu “Qaħba Jien” li kont interpretajt fl-2017. L-isfidi kienu ħafna. Kelli nitgħallem monologu ta’ siegħa u kwart u dik diġà sfida kbira, għax qabel dakinhar, l-itwal monologu li kont interpretajt kien ta’ tlett kwarti biss. Il-kontenut kien negattiv ħafna u l-proċess kollu ta’ din il-produzzjoni kien ta’ sfida kontinwa biex ma jaffettwalix is-saħħa mentali, anke minħabba l-fatt li dak iż-żmien kont għaddejja minn żmien diffiċli fil-ħajja personali tiegħi u allura l-istudju għal ħin twil ta’ dan il-monologu ma kienx faċli. Però, id-determinazzjoni tiegħi u anke ta’ Mario Micallef, li kien qed jidderiġini, għenuni ħafna. Ftit tal-gimgħat qabel, kont ukoll għamilt intervent kiruġiku f’għonqi u allura l-vuċi kienet għadha vulnerabbli ħafna. Dan wassal li minħabba l-provi u anke l-lezzjonijiet li nagħti jien ta’ kuljum bħala għalliema, wassluni biex tlift il-vuċi wara l-ewwel serata. Kellna nħassru t-tieni serata u nieħu injezzjoni biex b’hekk irnexxieli nkompli s-serati l-oħra.

Illum il-ġurnata int meqjusa bħala waħda mill-atturi stabbiliti. Mill-esperjenza tiegħek f’dan il-qasam, liema kwalitajiet jagħmlu attur tajjeb?

Bħal kull ħaġa oħra, mhux kulħadd tajjeb għal kollox u allura mhux kulħadd jista’ jkun attur. Jien nemmen li artist titwieled, però nemmen ukoll li trid taħdem ħafna u tistudja biex issir attur. Ir-reċtar jinvolvi kull parti tal-ġisem u l-moħħ, trid iżżomm ruħek aġġornat u tkun taf tosserva, toħloq, tesperimenta, taħdem ma’ kulħadd u tidħol fiż-żarbun ta’ nies li qatt ma tkun iltqajt magħhom qabel. Fih ħafna xogħol, studju u sagrifiċċju u allura dan kollu irid ifisser imħabba u passjoni għalik, biex tkun attur tajjeb.

Liema karattri milli interpretajt s’issa huma l-aktar għal qalbek u ħallew impatt fuqek personali?

Nażżarda ngħid li kull parti li interpretajt, ħalliet impatt fuqi għax kull wahda ghenitni nikber. Ovvjament xi ftit iħallu mpatt ikbar. Il-karattri li interpretajt fi ’ Kristu fi’Strada Stretta”, “Faith, Hope u Charity”, “Tereża”, “L-Ispettur” u “Fil-Ħajja li Jmiss” fost oħrajn, kienu karattri li rbadt qalbi magħhom ħafna, minħabba raġunijiet diversi.

Liema produzzjonijiet tħoss li għenuk tikber fil-karriera tiegħek?

Ovvjament kull produzzjoni hija mod ta’ kif attur juri l-kapaċitajiet tiegħu u allura tkun dejjem qisek qed tagħmel audition. Bla dubju, l-aktar karattri li kienu opposti ta’ xulxin għenuni l-iktar naħseb. Qed nirreferi ghal dawk li interpretajt fuq it-televiżjoni. Fosthom “Tereża”, “Division 7”, “Is-Salib Tal-Fidda” u “L-Ispettur”. Bħala teatru, il-produzzjoni “Kristu fi’ Strada Stretta” fetħitli ħafna bibien ukoll, u grata ħafna għal kull min apprezza x-xogħol f’din il-produzzjoni.

Kif tipprepara ruħek qabel kull interpretazzjoni?

Jiddependi x’tip ta’ produzzjoni hi. Meta jkun hemm skript, l-ewwel ħaġa naqrah u nara jekk jogħġobnix. Nieħu idea ċara tal-karattru, ta’ dak li qed jiġri madwaru u ta’ dawk il-karattri li jkollu viċin tiegħu. Imbagħad niddiskuti mad-direttur/direttriċi biex nifhem x’għandhom f’moħħhom. Wara dan kollu, nibni profil tal-karattru, biex nibda nsir nafu sew. Nistudja l-linji l-aħħar ħaġa. L-iktar ħaġa importanti hi li ssir taf il-karattru sew. Però, fi produzzjonijiet teatrali ġieli jagħti l-każ li l-iskript nibnuh flimkien waqt il-workshops. Dan il-metodu jissejjaħ “Devised”. Huwa l-favorit tiegħi u kemm-il darba jinvolvi moviment fiżiku. F’dan il- każ, il-proċess huwa totalment differeti għax l-ewwel ma’ jsir huma workshops ibbażati fuq it-tema jew emozzjonijiet, fejn l-atturi jiffukaw ħafna fuq improvisations u minn hemm tibda tinbena l-produzzjoni.

Teatru jew televiżjoni? U għaliex?

Bla esitazzjoni nippreferi t-teatru għax hekk twelidt. It-televiżjoni nħobbu immens ukoll, però t-teatru jaffaxxinani u jgħaddini minn emozzjonijiet li ma nħosshomx fid-dinja reali. Il-mod kif tinbena produzzjoni fit-teatru hija iktar maġika fl-opinjoni tiegħi, u ħafna iktar reali mit-televiżjoni. Kull produzzjoni fit-teatru tgħixha dak il-ħin u sħiħa, u apparti minn hekk, tibni relazzjoni soda ħafna mal-atturi l-oħrajn. Fit-teatru jkollok ħafna iktar ċans tibni l-karattru u tesperimenta bih, u b’dak li int kapaċi tagħmel.

Liema kienet l-ewwel produzzjoni teatrali li ħadt sehem fiha?

L-ewwel wahda kienet pantomime fit-Teatru Manwel meta kelli erba’ snin. Kienet “Robinson Crusoe” u jien kont ħuta.

Irrakkuntalna praspura li għamilt jew ġratlek relatata mar-reċtar..

Għandi ħafna minnhom dawn imma dejjem ninsihom. Waħda ħelwa li qed niftakar bħalissa kienet f’“Fattigi”. Kelli xena ma’ Veronica Farrugia, ħabiba kbira tiegħi, u l-karattru li tinterpreta hi, ta’ Francis, huwa reliġjuż ħafna, u kellha ħafna stawi tar-reliġjon, u slaleb u santi fil-kamra tas-sodda. Allura biex nagħmlulha ċajta, dawwarna l-istatwi u s-slaleb kollha rashom l-isfel, qabel ma waslet on set. Veronica waslet ftit tard dakinhar, allura kif waslet qbadna u bdejna x-xena u ma’ ndunatx. Kumbinazzjoni fix-xena, kellha tgħidli biex ngħid ir-rużarju maghha u Catherine ma ridietx. Jien tgħidx kemm bdejt nitfalha botti u ndawwar il-linji, biex forsi tinduna imma ma riditx taf. Allura, ħin minnhom meta fix-xena qaltli li ħa tgħid ir-rużarju, għidtilha “Taħseb li ħa tisimgħek il-Madonna hekk?’ Hi baqgħet thares lejja u jien infqajt nidħak. F’daqqa waħda daret u rat l-istatwi kollha rasom l-isfel. Dħakna daħka mbagħad ovvjament kellna nerġgħu nibdew ix-xena mill-bidu.

‘Il bogħod mir-reċtar, min hi eżattament Sarah Camilleri? Liema karatteristiċi jiddeskrivuk l-akbar?

Ħafna ma jemmnunix però jien persuna mistħija ħafna u ma nħobbx inkun fiċ-ċentru tal-attenzjoni. Jien pjuttost riservata u ħafna drabi ħadd ma jkun jaf minn xiex għaddejja f’ħajti, għalkemm għajnejja jikxfuni u allura ma nafx nigdeb. Inħobb nidħak ħafna u nfittex li nqatta’ l-ħin ma’ nies pożittivi. Inħobb il-kumpanija, għalkemm dan l-aħħar ftit snin sirt inħobb inqatta’ ħin waħdi wkoll. Inħobb ħafna l-kriminoloġija u nara ħafna dokumentarji fuq hekk. Bħala films infittex il-horrors l-ewwel u anke thrillers, għalkemm jinteressawni l-ġeneri kollha, l-importanti li jkunu films tajbin. Parti mill-kors li għamilt l-Università kien jinvolvi studju u kritika tal-films, għax jinteressawni ħafna.

Xi jfisser għalik it-tifel tiegħek Liam? U kif tiddeskrivi r-relazzjoni ta’ bejnietkom?

L-isbaħ ħaġa li qatt ġratli, l-aħjar ħaġa li qatt għamilt u l-iktar ħaġa kburija biha. Inħobbu bla qies. Għandna relazzjoni tajba ħafna, speċjalment issa li hu adult. Aħna differenti minn xulxin għax hu kalm u jagħmel kollox bil-pass tiegħu, mentri jien pjuttost enerġetika u nipprova nlaħħaq ma’ kollox. Jien inħobb ix-xemx u l-baħar u hu ma jhobbhom xejn, u jien minn dejjem kont inħobb l-isport mentri hu ma tantx hu daqsekk attiv fiżikament. Però naqblu u niddiskutu ħafna fuq il-films u l-atturi, u anke fuq l-annimali, apparti li jdaħħakni ħafna. Inħobb ħafna nisimgħu jitkellem u jiddiskuti għax intelliġenti u jżomm ruħu infurmat fuq ħafna affarijiet. Liam għalija qisu ħija u ħabib ukoll però dejjem ħa nħares lejh bħala omm.

Xi jfissru l-annimali fil-ħajja tiegħek?

L-annimali nħobbhom iktar min-nies għall-fatt li jħobbu mingħajr preġudizzju, u bla qies. Narahom sbieħ ħafna wkoll, u ħafna nies jidħku bija meta ngħid li qatt ma rajt annimal ikrah. Nemmen fil-libertà tagħhom u li għandhom jgħixu fl-ambjent tagħhom u nikkundanna lil kull min jaħqarhom, jabbandunahom jew jużahom għal xi forma ta’ qliegħ. L-annimali qegħdin hemm biex inħobbuhom, inħalluhom jgħixu u nammirawhom. M’aħniex superjuri u m’għandna l-ebda dritt fuqhom, bħal ma ħafna nies jaħsbu. Jien kburija ngħid li kemm-il darba salvajt annimali minn nies bla qalb u nagħmel kollox għalihom. Huwa fatt li fost il-ħlejjaq kollha, il-bniedem huwa l-iktar annimal li joqtol.

Liema kwistjonijiet int l-aktar sensittiva dwarhom? U għaliex?

Jien sensittiva ħafna dejjem fil-verità, u għandi qalbi żgħira. Il-moħqrija u l-abbuż partikolarment fuq il-vulnerabbli hija ħaġa li ma niflaħx għaliha, partikolarment fuq l-anzjani. L-anzjani nħobbhom ħafna jien u huma dawk li tawna dak li għandna llum. Għandna nkunu grati, nirrispettawhom, inħobbuhom u nipproteġuhom kif nistgħu. Kull forma ta’ diskriminazzjoni hija xi ħaġa li tweġġagħni ħafna, kemm jekk hija età, sess, diżabilità, reliġjon jew kulur.

L-isbaħ u l-agħar mumenti ta’ ħajtek s’issa..

L-isbaħ mument ta’ ħajti bla dubju kien meta rajt lil Liam l-ewwel darba. Mument li ma nista’ qatt inneħħih minn moħħi. L-agħar mumenti kienu kull meta tlift l-aktar nies għeżież għalija fosthom in-nanniet.

X’kienet l-akbar lezzjoni li għallmitek il-ħajja s’issa?

L-akbar lezzjoni li tgħallimt hi li ngħix il-mument għax il-ħajja taf tinbidel f’sekonda, u li napprezza kull ħaġa żgħira jew kbira li għandi. Tgħallimt ukoll napprezza iktar lili nnifsi u ma nħallix lil min jipprova jagħmilli l-ħsara jaffettwani, bl-ebda mod.

Kieku kellek tmur lura u terġa’ tgħix żmien partikolari, liem ikun? U għaliex?

Kieku nista’, nerġa’ ngħix iż-żmien tal-iskola sekondarja ma’ sħabi li kelli dak iż-żmien u li għadna ħbieb sal-lum. Kien żmien wisq sabiħ, bla problemi u daħq u praspar kuljum.

X’jirrabjak u xi jferħek l-aktar?

Bħal ma semmejt qabel, tirrabjani ħafna id-diskriminazzjoni, il-moħqrija u l-abbuż anke fuq l-ambjent, l-ipokrezija u dawk in-nies li jkissru lil ħaddieħor biex jaslu fejn iridu huma. Min-naħa l-oħra jien iferħuni ħafna affarijiet. Il-ħin li jkolli mal-familja li bħalissa limitat ħafna minħabba s-sitwazzjoni, kull kelma ġenwina ta’ inkoraġġiment jew apprezzament f’xogħli anke bħala għalliema, kull meta nara studenti jirnexxu wara li nkunu ħdimna flimkien, u ovvjament u l-iktar ħaġa li tferraħni hi meta Liam jgħidli jew jurini li jħobbni.

Hemm xi ħolma li tixtieq twettaq?

Nixtieq nagħmel ftit kuraġġ u nerġa’ nibda nistudja, kemm fuq film u anke fil-qasam tal-forensika, li hija xi ħaġa li tinteressani ħafna.

Hemm xi kurżitajiet oħra dwarek li tixtieq taqsam magħna?

Xi ħaġa li rari ħafna għidt hi, li meta kont żgħira, kont fit-tim nazzjonali ta’ Malta tal-basketball. Jaqbdu ħafna miegħi fuqha minħabba t-tul imma esperjenza li jien kburija biha.

X’messaġġ tgħaddi lis-segwaċi u l-qarrejja ta’ skoperta.net?

Fid-dinja hawn post għal kulħadd, u r-riżorsi naturali qiegħdin hemm għal kulħadd. L-egoiżmu tal-bniedem qed ifixkel dan kollu u jinstiga mibgħeda li qed teqred id-dinja. Biżżejjed inħarsu madwarna biex naraw in-nuqqas ta’ natura u arja, mibdula f’konkos. Biżżejjed niftħu l-midja soċjali biex naqraw u nisimgħu kliem distruttiv fuq bnedmin oħra bħalna. Il-progress u l-evoluzzjoni huma sbieħ, però sfortunatament, amendati għal min hu b’saħħtu. Kulħadd huwa importanti u ħaqqu jkun maħbub, u kulħadd għandu dritt u obbligu li jitgħallem, ħalli jikber u jkollu kontroll fuqu nnifsu filwaqt li jghin fil-kostruzzjoni ta’ dinja aħjar għal kulħadd.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks