Il-Gran Mastru Fra. Antoine de Paule kien it-13-il Gran Mastru ta’ Malta u laħaq f’din il-kariga nhar l-10 ta’ Marzu 1623. Hu kien is-Sultan ta’ Malta u Kap tal-Ordni Sovrana ta’ San Ġwann il-Battista.

Fi żmienu kien bena l-palazz ta’ San Anton u l-ġonna tiegħu. Imma hu kellu xewqa li ismu jibqa’ għal dejjem u għalhekk ried iwaqqaf raħal li jġib ismu.

Kienet din ix-xewqa tal-eċċelenza tiegħu l-Gran Mastru De Paule li jara li fuq din l-art fid-daħla ġewwinija tal-port ta’ Malta tiġi imsawra komunità u li l-istess art tibda ġġib isem il-Gran Mastru.

Dan kollu għandu l-għan li jtaffi mill-espansjoni bla waqfien tal-popolazzjoni tat-tlett ibliet tal-Kottonera fuq din l-isfonda tal-port ta’ Malta.

Din il-popolazzjoni dejjem tikber qiegħda tkun ta’ dannu għas-saħħa tal-poplu kien għalhekk li l-Gran Mastru fil-ġenerożità kbira tiegħu ħaseb biex joffri din l-art bejn l-Għolja tal-Ħorr u l-Għolja ta’ Kordin biex fuqha jinbena Raħal Ġdid li ikun jista’ jilqa’ lill-poplu li dejjem jikber fl-inħawi tal-Port.

Għalhekk dan ir-Raħal Ġdid kellu jkun iġib isem is-Sultan, dak ta’ Casal Paola u dawk li jabitaw fih ikunu msejħa Pawlisti. Il-Gran Mastru ħabbar ukoll li kien se joffri fondi biex f’dan ir-raħal tinbena knisja għas-servizz tal-poplu li jammar f’dan il-post u kienet iddedikata lil Santa Ubaldeska, waħda mill-padruni tal-Ordni Ospidaljer ta’ San Ġwann il-Battista.

Il-Gran Mastru kien ħabbar ukoll li dawk li jagħżlu li jmorru jgħixu f’dan ir-raħal kienu se jkunu eżentati milli jiġu mfittxija għal xi kreditu jew djun li seta’ kellhom.

Minkejja dan kienu ftit dawk li marru jgħixu f’Raħal Ġdid fi żmien il-Kavallieri u kellu jgħaddi naqra żmien mhux ħażin biex dan ir-raħal beda jikber sewwa. Meta fi żmien l-Ingliżi l-attività madwar il-port u t-tarznari kibret ħafna, Raħal Ġdid far bin-nies. Il-knisja ta’ Santa Ubaldeska tkabbret u ġiet iddedikata lil Qalb ta’ Ġesù. Fil-bidu tas-seklu 20 bdiet tinbena l-knisja monumentali ta’ Kristu Re li hija l-parroċċa tal-lum. Wara l-gwerra, raħal Casal Paola kompla kiber u llum huwa wieħed mill-iktar irħula popolari f’Malta.

Il-knisja ta’ Kristu Re hija l-ikbar knisja ta’ Malta u llum ġiet mgħollija għad-dinjità ta’ Bażilika.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks