X’inhuma eżattament l-allerġiji?

L-allerġiji f’ġisimna jiżviluppaw meta jkun hemm diversi reazzjonijiet mis-sistema immunitarja għall-diversi sustanzi, li normalment ma jkunu jikkaġunaw l-ebda dannu lill-ġisem. Dawn l-hekk imsejħin sustanzi, jistgħu jitqisu bħala ‘allergens’, fejn meta bniedem jiġi espost għalihom diversi drabi, huwa jibda jifforma sensittività speċifika għalihom. Hemm ħafna tipi ta’ allerġiji li wieħed jista’ jsofri minnhom, li jvarjaw minn allerġiji għall-ikel, partiċelli fl-arja jew fin-natura, u kif ukoll għal ċerti pinnoli bħal antibijotiċi, jew prodotti oħra farmaċewtiċi.

Għal xiex jista’ bniedem ikun allerġiku, u x’inhuma s-sintomi?

F’każ li wieħed jiġi espost għall-diversi partiċelli fl-arja li jkun sar allerġiku għalihom, bħad-dust mites, pollen, jew dħaħen tas-sigaretti, huwa jista’ jaqbdu attakk ta’ l-ażma, fejn wieħed joħorġulu sintomi ta’ qtugħ ta’ nifs, tisfir fis-sider u sogħla, jew il-hayfever, fejn wieħed ikun qed jesebixxi sintomi inqas serji, bħall- għatis, għajnejn ħomor, u kif ukoll infjammazzjoni fil-griżmejn jew fl-imnieħer.

Meta niġu għall-allerġiji relatati mal-ikel, l-iktar komuni nsibu l-allerġiji għall-ħalib, lewż, bajd, u kif ukoll għall-diversi tipi ta’ frott. Wieħed normalment jinduna li qed ibati minn allerġija ta’ dan it-tip għax jista’ jitlagħlu raxx ta’ natura varja, fuq ġismu meta wieħed jiekol dawn l-affarijiet, u kif ukoll ibati minn żbilanċ fis-sistema gastrointestinali, bħal dijarea. Huwa għalhekk, importanti li malli wieħed jissuspetta li jista’ jkollu allerġija għal xi tip ta’ ikel, jieqaf immedjatament milli jiekol minnu. B’mod partikolari, wieħed għandu wkoll joqgħod attent meta jmur jiekol ġo ristoranti, minħabba kross-kontaminazzjoni tal-ikel. Kif ukoll, meta wieħed ikun qed jagħmel ix-xirja tiegħu, u jiġi f’dubju x’tip ta’ ingredjenti fih l-ikel, ifittex li jaqra t-tabelli tal-informazzjoni fuq il-prodotti tal-ikel.

Allerġiji oħrajn, li huma wkoll komuni, huma dawk li jinvolvu kuntatt dirett mal-ġilda, bħal ċerti tipi ta’ fwejjaħ, sapun, metalli naturali bħan-nickel, latex jew saħanistra l-pil tal-annimali. Dawn ukoll jistgħu jikkawżaw ħmura, ħlakk jew infjammazzjoni fil-ġilda. Meta jiġri dan, wieħed jista’ jaħsel il-parti affettwata sew, b’ammonti moderati ta’ ilma, għal madwar kwarta.

X’għandna nagħmlu sabiex wieħed itaffi xi ftit mis-sintomi tal-allerġiji?

Wieħed faċilment jista’ jittratta l-allerġiji li semmejna, billi jevita kuntatt dirett magħhom, jgħix f’ambjent nadif, u jevita li jiġi espost għal trabijiet jew dħaħen. F’każ li wieħed ikun allerġiku għad-dust mites, għandu jara wkoll li jbiddel il-lożor regolarment u jaħsilhom ġol-misħun. Meta wieħed ikun qed ibati minn hayfever, għandu jara li ma jagħmilx kuntatt dirett ma’ fjuri friski, jew pil ta’ annimali domestiċi. Meta dan ma jkunx biżżejjed, hemm ċerti tipi ta’ mediċini li jissejħu anti-histamines, li t-tabib jista’ jagħti lill-pazjenti, biex ikomplu jtaffu xi ftit mis-sintomi tal-allerġiji.

L-anaphylaxis…xi tkun?

Inħoss li huwa importanti wkoll li nsemmi, li meta wieħed ikun qed jbati minn diversi allerġiji, huwa f’riskju li taqbdu reazzjoni allerġika serja ħafna, li tissejjaħ anaphylaxis. Din il-kundizzjoni hija meqjusa bħala emerġenza, minħabba li f’temp ta’ ftit sekondi, wieħed jieqaf jieħu n-nifs, minħabba li l-pajpijiet tan-nifs inizzjalment jiddejqu, u bil-ħin, jingħalqu, u kif ukoll, jistordi jew jintilef minn sensieh, għax tinżillu l-pressjoni fid-demm, meta jkun espost għall-allergen. F’dawn il-każijiet, huwa vitali li wieħed dejjem iġorr miegħu l-Epi-Pen, li hija tip ta’ pinna medika, li f’każ ta’ emerġenza, wieħed jista’ faċilment jinjetta ġo muskoli kbar, bħal fid-dirgħajn, jew fil-koxxa, biex tingħata doża ta’ adrenalina, sabiex tkun tista’ titratta immedjatament allerġiji severi ħafna, qabel ma tiġi iktar għajnuna medika avvanzata. Dan il-pass jista’ jwassal biex wieħed isalva ħajja umana.

Jekk tixtieq issegwi l-blog tiegħi, tista’ tagħmel dan billi tagħmel ‘like’ fuq din il-paġna ta’ Facebook:

×Be Holistically Healthy, MD× | Facebook

Jekk għandek xi mistoqsijiet li trid tistaqsi jew xi suġġett li tixtieq li nitkellmu dwaru ibgħatilna fuq info@skoperta.net

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks