Kien għadu jiftakar qisu lbieraħ, l-ewwel klassi fl-iskola tal-mużika fejn kien attenda, il-ħbieb kollha li kien iltaqa’ magħhom u li parti minnhom kien għadu jiffrekkwenta sal-ġurnata tal-lum.
“Grazzi,” qal lil Doris wara li ħallasha u telaq ‘il barra bih f’idu, iżommu b’mod ferm prezzjuż.
Malli wasal id-dar, intefa’ fuq l-iskrivanija u bi tbissima fuq fommu, fetħu.
Il-ktieb tal-mużika.
X’memorji!
Dawk in-noti!
Il-paġni kollha sofor u mikulin xi ftit bil-kamla.
Malli beda jdawwar il-paġni, għajnejh waqgħu fuq tħarbix żgħir fil-kantuniera ta’ fuq tal-ewwel paġna.
‘A.S.’
Dan il-ktieb donnu kien jappartjeni xi darba lil xi ħadd b’dawk l-inizjali, ħaseb bejnu u bejn ruħu. Hu kien jaf lil kull min kien idoqq fir-raħal u għalhekk beda jaħseb ta’ liema tifel jew tifla seta’ kien dan il-ktieb.
“Abigail Sammut…….” qal l-isem b’leħen għoli, li dewa madwar l-appartament modern fejn kien joqgħod.
Abigail kienet l-ewwel tifla li kien qatt ħabb. Kienu fil-klassi tal-mużika flimkien u tgħidx kemm kienu jaqblu. Kienet l-isbaħ tifla li qatt kien ra. Sikwit kienu jmorru lejn id-dar flimkien dak iż-żmien. Sikwit kienu joħorġu flimkien filgħaxija u jmorru jaraw xi film iċ-ċinema jew xi mixja fil-kampanja.
Abigail.
Kienet iżżewwġet u għandha t-tfal. U hu……..hu kien għadu waħdu. Mhux għax ma kellux min iridu tafx…….għax tfajliet kellu kemm irid. Kien jaf li kien ġuvni ħelu.
Amanda Sengall.
Qalbu għamlet tikk.
Dik ukoll kellha l-istess inizjali. U ma tantx kellu grazzja magħha dak iż-żmien meta kienu tfal. Isimha donnu ġie waħdu f’moħħu. Qisu poġġihulu xi ħadd.
Amanda.
Amanda kienet tifla xi ftit imdellka, xagħarha iswed ħafna, dejjem waħedha, dejjem kwieta. Qatt ma kienet tlissen kelma. U hu. Hu kien jistkerraħha.

Ir-rakkont ikompli l-ġimgħa d-dieħla…

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks