Il-Prinċep Harry mistenni jirritorna lejn ir-Renju Unit u jerġa’ jiltaqa’ mal-familja tiegħu għall-ewwel darba mindu hu u Meghan telqu mill-irwoli Rjali tagħhom fl-2020 biex jattendi l-funeral tan-nannu tiegħu l-Prinċep Philip. Madanakollu, huwa mhuwiex se jkun akkumpanjat minn martu Meghan.
Meghan, li hi tqila bit-tieni tarbija tal-koppja u li għandha twelled fis-Sajf, ġiet avżata mit-tabib tagħha biex ma tivvjaġġax, qal kelliem għall-palazz ta’ Buckingham. Għaldaqstant il-Prinċep Harry se jkun qed jattendi waħdu filwaqt li jsegwi l-protokolli tal-Covid-19 għall-ivvjaġġar lejn u mir-Renju Unit kif ukoll matul il-ħin tiegħu fil-pajjiż.
Dan se jimmarka wkoll l-ewwel darba li Harry se jara l-membri tal-familja tiegħu personalment wara l-intervista kontroversjali tiegħu u ta’ Meghan ma’ Oprah Winfrey, li xxandret f’Marzu u li saret f’Kalifornja, fejn il-koppja ilha tgħix mis-Sajf li għadda.
