Il-MEIA esprimiet it-tħassib tagħha permezz ta’ stqarrija dwar il-fatt li l-iskejjel tal-arti performattiva ma tħallewx jerġgħu jiftħu.
L-istqarrija tgħid li filwaqt li s-saħħa pubblika tibqa’ prijorità għall-assoċjazzjoni u għall-membri tagħha, in-nuqqas ta’ konsultazzjoni mal-industrija ħolqot ħsara konsiderevoli għall-provvediment ta’ edukazzjoni artistika f’Malta. B’differenza għal dak li ġie rrapurtat fil-midja, l-iskejjel tal-edukazzjoni artistika kienu konformi mal-protokolli kollha mitluba mill-awtoritajiet tas-saħħa u ma jġorru l-ebda riskju li huwa ogħla minn kwalunkwe attività edukattiva oħra.
L-għeluq tal-iskejjel tal-arti jfisser ukoll li l-istudenti mhux se jkunu jistgħu jagħmlu l-eżamijiet meħtieġa biex ikomplu l-istudji tagħhom fl-arti. L-iskejjel li jipprovdu edukazzjoni tal-arti performattiva ilhom joperaw b’mod sikur skont il-protokolli tas-saħħa kollha minn Lulju tal-2020 mingħajr evidenza ta’ kontaġju mill-iskejjel.
Il-kunfidenza fl-edukazzjoni tal-arti nbniet b’mod diliġenti mill-edukaturi tal-arti permezz tal-investimenti tagħhom biex jiżguraw is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema, tal-għalliema u tal-istudenti. Filwaqt li xi tagħlim onlajn jista’ jerġa’ jibda, ħafna mill-kontenut pedagoġiku jeħtieġ taħriġ prattiku fil-preżenza tal-għalliem.
Fl-istqarrija l-MEIA tgħid li l-approċċ tal-Gvern lejn l-iskejjel tal-arti jikkonferma l-importanza sekondarja li jagħti lil dan is-settur u li qed iservi għal skopijiet ulterjuri biex jgħin setturi oħra. Il-MEIA tikkonferma li l-iskejjel tal-arti diġà wrew kif il-miżuri ta’ mitigazzjoni kienu ta’ suċċess.
Il-MEIA ikkonkludiet l-istqarrija billi qalet li l-assoċjazzjoni se tkompli tikkollabora mal-awtoritajiet tas-saħħa biex l-edukazzjoni fl-arti performattiva, li trid titqies bħala ugwali għal kwalunkwe attività edukattiva oħra, terġa’ lura. Il-MEIA qed tistenna wkoll li l-Ministeru għall-Kultura jipproponi skemi ta’ kumpens għat-telf finanzjarju li ġie rreġistrat minħabba l-għeluq tal-iskejjel tal-arti, filwaqt li qalet ukoll li l-membri tagħha se jsegwu d-direzzjoni tal-awtoritajiet tas-saħħa u huma impenjati li jsostnu l-kollaborazzjoni tagħhom mill-awtoritajiet fl-aħjar interess tal-għalliema u tal-istudenti u għall-benesseri tagħhom.
