Id-Duka ta’ Cambridge u d-Duka ta’ Sussex taw ġieħ lin-nannu tagħhom, id-Duka ta’ Edinburgu.

F’dikjarazzjonijiet separati, il-Prinċep William iddeskrivih bħala “raġel straordinarju”, filwaqt li l-Prinċep Harry qal li kien “raġel ta’ servizz, unur u umoriżmu kbir” u l-“leġġenda taċ-ċajt”.

“Se nimmisja lin-nannu tiegħi, imma naf li jkun iridna nkomplu għaddejjin bix-xogħol.” żied il-Prinċep William.

Il-Prinċep Philip miet fil-Kastell ta’ Windsor nhar il-Ġimgħa fl-età ta’ 99 sena.

“Il-ħajja tan-nannu kienet definita bis-servizz li ta, lill-pajjiżu u l-Commonwealth, lil martu u r-Reġina, u lill-familja tagħna,” qal il-Prinċep William fid-dikjarazzjoni.

“Inħossni fortunat li mhux biss kelli l-eżempju tiegħu biex jiggwidani, iżda l-preżenza dejjiema tiegħu fil-ħajja adulta tiegħi, kemm fi żminijiet tajbin u anki fl-aktar ġranet diffiċli.

“Nibqa’ dejjem grat li marti kellha tant snin biex issir taf lin-nannu, u għall-qalb tajba li wriha.”

Filwaqt li qal li se jibqa’ jgħożż ukoll il-memorji tan-nannu mat-tfal tiegħu, il-Prinċep William żied jgħid li hu u martu Kate se jkomplu jagħmlu dak li xtaq u se jappoġġjaw lir-Reġina fis-snin li ġejjin.

Il-Prinċep Harry qal li n-nannu tiegħu kellu intelliġenza kbira u kien kapaċi jiġbed l-attenzjoni bil-kariżma tiegħu.

“Huwa jibqa’ mfakkar għas-servizz tiegħu lill-Monarkija, bħala Prinċep u Duka, imma għalija, bħal ħafna li tilfu xi ħadd għażiż jew nanniet, hu kien in-nannu tiegħi, espert tat-tisjir fuq il-BBQ, leġġenda taċ-ċajt u mqarqaċ sal-aħħar.”

Il-Prinċep Harry iddeskriva wkoll lill-Prinċep Philip bħala “blata” għar-Reġina “b’devozzjoni mingħajr paragun.”

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks