Il-Gardenia hija l-aktar magħrufa għar-riħa tal-fjuri bojod u spettakolari tagħha. Fil-fatt hija pjanta maħbuba għal raġuni sempliċi ħafna: ftit fwejjaħ naturali huma daqstant notevoli, evokattivi u memorabbli.
Il-verità hi li mingħajr dik ir-riħa spettakolari, ftit huma l-ġardinara li jippruvaw ikabbru din il-pjanta li teħtieġ ħafna manutenzjoni u li hija vulnerabbli għal ħafna insetti u mard. Tinstab l-aktar fil-konservatorji u fis-serer.
Madanakollu, anki jekk jirnexxilek iżżomm il-Gardenia tiegħek ħajja għal ftit xhur biss, ukoll hija pjanta li għandu jkollok mal-kollezzjoni tiegħek.
Fi klima xierqa, il-Gardenia tista’ titħawwel fir-rebbiegħa jew fil-ħarifa. Jekk tagħżel li tipprova tkabbar din il-pjanta miż-żerriegħa, tieħu madwar sentejn u tliet snin biex tiffjorixxi.
Meta mħawla fil-ġnien, il-Gardenia tippreferi ħamrija rikka u aċiduża li tbattal sew. Li tamenda ż-żona tat-tħawwil b’ħafna materjal organiku hija idea tajba. Poġġi l-Gardenia f’dell medju, u importanti li l-ħamrija għandha tkun mgħottija regolarment b’saff oħxon ta’ mulch biex tikkontrolla l-ħaxix ħażin.
Gardenia li tkun ikkurata tajjeb, ikollha l-weraq aħdar skur, u tiffjorixxi fil-bidu tar-rebbiegħa sas-sajf, skont il-post.
Meta tkabbarha ġewwa, importanti li żżommha f’kamra li tkun relattivament sħuna matul il-ġurnata, f’dawl qawwi iżda evita dawl tax-xemx dirett, speċjalment fis-sajf.
Il-Gardenia hija pjanta li tħobb l-aċidu, u għalhekk tippreferi ħamrija b’pH kemmxejn inqas. Taħlitiet normali ta’ ħamrija b’bażi tal-pit jissodisfaw dan il-kriterju.
Żomm il-ħamrija kontinwament niedja imma saqqiha inqas fix-xitwa.
Teħtieġ temperaturi ‘l fuq minn 15-il grad Celsius. Evitw kurrenti kiesħa jekk it-temperatura tinżel aktar baxxa. Din il-pjanta tippreferi livell għoli ta’ umdità, ‘il fuq minn 60 fil-mija. Fi klimi b’arja kiesħa u niexfa tax-xitwa, pjanti tax-itwal jistgħu jeħtieġu l-użu ta’ umdifikatur biex tinżamm umdità xierqa.
Il-Gardenia m’għandha l-ebda tossiċità magħrufa għall-bnedmin, iżda l-annimali domestiċi jistgħu jesperjenzaw sintomi jekk jibilgħu xi biċċiet mill-pjanta. Din il-pjanta fiha l-geniposides u l-gardenosides, sustanzi li ħafna annimali huma sensittivi għalihom.
Is-sintomi ta’ avvelenament fil-klieb, il-qtates u żwiemel jistgħu jikkawżaw remettar, dijarea jew urtikarja.
Jekk il-pjanta mħawla ġo ġnien uża fertilizzant aċiduż f’nofs Marzu, imbagħad darb’oħra fl-aħħar ta’ Ġunju. Importanti li mhux fil-ħarifa. Jekk il-pjanta mħawla f’pot, uża fertilizzant aċiduż kull tliet ġimgħat. It-tip ta’ fertilizzant li jintuża għall-ażalea jew il-camellias hija għażla tajba.

Kontributriċi