Għal dawn l-aħħar sentejn, Conrad Neil Gatt qed jesplora l-gżira tagħna permezz ta’ avventuri partikolari li qed jagħmel.

Kull avventura jaqsamha mas-segwaċi tiegħu permezz ta’ Vlog, li wieħed jista’ jsegwi fuq iċ-Channel ta’ Youtube tiegħu Conrad Neil Gatt.

L-għan tiegħu huwa li jaqsam is-sbuħija u dak kollu li jirnexxilu jiskopri kemm mal-Maltin kif ukoll mal-barranin li għandhom lil Malta għal qalbhom u li qed jippjanaw biex iżuruna la nerġgħu lura għan-normal.

Conrad qed itella’ avventura ġdida kull nhar ta’ Ġimgħa fis-18:00, u ġieli anki ieħor extra matul il-ġimgħa.

Staqsejna lil Conrad biex jgħidilna ftit dwar l-aħħar avventura li għamel… u dan hu dak li qalilna…

“Dan huwa għar li jidjieq immens u jispiċċa f’toqob illi ftit li xejn huma aċċessibli fl-aħħar mill-aħħar. Għar illi ftit li xejn jafu bih nies u wisq inqas aċċessawh, minħabba l-periklu u d-djuq li fih, u l-għamla tiegħu.

Jgħidu li hu fond 2km, però jiena rnexxieli biss nidħol ftit inqas minn 300m, minħabba li hemm blata kbira fin-nofs li tagħmilha impossibbli li tibqa’ dieħel iktar il-ġewwa.

F’dan il-Vlog jidher ukoll xi għadam li sibna aħna u deħlin, xemgħa u lazz taż-żarbun, li jindikaw li diġà daħlu xi nies oħra qabilna.

Int u dieħel tibda tħoss l-arja qed tonqos … apparti li tibda tħossok qed taqta’ nifsek peress li tkun għaddej minn toqob vera żgħar u tħossu qed jagħfaslek ma’ dahrek u mal-kustilji … però l-adrenalina ġġiegħlek tibqa’ dieħel ħalli tesplora aktar.

Wara xi siegħa u nofs nitkaxkar fuq il-minkeb u nimbotta bil-ponot ta’ subgħajja, u bil-ponta ta’ quddiem taż-żarbun, wasalt f’punt fejn ma stajtx nibqa’ dieħel iktar fiżikament u hemmhekk sfortunatament kelli naqbad it-triq lura.

Rajna wkoll xi fossili mas-saqaf tal-għar.

Ikolli nammetti li dan kien l-iktar għar perikoluż li qatt żort s’issa, fejn ħin minnhom anki weħilt u ma stajt niċċaqlaq iktar … u hemmhekk ikolli nammetti li bżajt ftit … però trid tagħmel kuraġġ lilek innifsek mentalment u ssolvi l-problemi inti stess.

Ma nissuġġerixxi lil ħadd iżur dan l-għar, minħabba raġunijiet ovvji ta’ sigurtà l-ewwel u qabel kollox, però anki minħabba l-Flora u Fawna tal-madwar …. u bħal dejjem inħobb inżomm l-identità ta’ għerien bħal dawn mistura, u nagħtihom isem fittizju … din id-darba ‘Għar Kuptejk’.”

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks