Select Page

Ilbieraħ, il-Prinċep Philip ingħata l-aħħar tislima f’funeral intimu fil-Kappella ta’ San Ġorġ fil-Kastell ta’ Windsor.

Waqt iċ-ċerimonja, id-Dekan ta’ Windsor ta ġieħ lill-qalb tajba, l-umoriżmu u l-umanità tal-Prinċep Philip.

Dawk preżenti kienu libsin il-maskri u b’distanza soċjali skont ir-regoli tal-Covid-19, bir-Reġina bilqiegħda waħedha. Din tal-aħħar kienet xena li ġibdet l-attenzjoni u s-simpatija ta’ ħafna.

It-tfal tad-Duka mxew wara t-tebut tiegħu f’purċissjoni funebri, segwita minn minuta ta’ silenzju nazzjonali.

Aktar minn 730 membru tal-forzi armati ħadu sehem fl-avveniment, iżda kien hemm biss 30 persuna ġewwa l-Kappella ta’ San Ġorġ, skont ir-regoli tal-Covid-19.

It-tebut tiegħu nġarr id-distanza qasira sal-kappella fuq Land River modifikat, li d-Duka nnifsu kien għen fid-disinn tiegħu.

Il-purċissjoni tal-funeral kienet immexxija mill-Banda tal-Gwardji tal-Grenadieri, il-partit tal-Maġġur Ġenerali, u l-kapijiet tas-servizz militari.

Il-Prinċipessa Anne u l-Prinċep Charles kienu fuq quddiem, wara l-vettura, segwiti mill-Prinċep Edward u l-Prinċep Andrew.

Il-Prinċep William u l-Prinċep Harry imxew fuq kull naħa tal-kuġin tagħhom Peter Philips.

Minkejja li ż-żewġt aħwa qagħdu fuq in-naħat opposti waqt iċ-ċerimonja, dehru jitkellmu wara li spiċċat.

Sparar ċerimonjali f’disa’ postijiet madwar ir-Renju Unit u f’Ġibiltà mmarka l-bidu u t-tmiem tal-minuta silenzju nazzjonali.

Il-funeral tmexxa mid-Dekan ta’ Windsor, bl-Arċisqof ta’ Canterbury jagħti l-barka.

Id-Dekan ta ġieħ lill-qalb tajba, l-umoriżmu u l-umanità tal-Prinċep Philip u l-ħafna modi li bihom il-ħajja twila kienet ta’ barka għal kulħadd.

Qal ukoll li l-lealtà soda tal-Prinċep lejn ir-Reġina, mis-servizz tiegħu lin-nazzjon u l-Commonwealth, mill-kuraġġ, il-qawwa u l-fidi tiegħu, kienet ta’ ispirazzjoni.

L-assoċjazzjoni tad-Duka mar-Royal Navy u l-imħabba għall-baħar ingħatat importanza wkoll waqt il-funeral, iżda ma ngħatat l-ebda priedka, skont ix-xewqat tiegħu.

Il-mużika kienet tinkludi l-innu tal-1860 Eternal Father, Strong to Save ta’ William Whiting, li huwa assoċjat mal-baħħara u s-servizzi armati marittimi.

Il-Palazz ta’ Buckingham qal li l-pjanijiet tal-funeral ġew modifikati biex jitħarsu l-linji gwida tas-saħħa pubblika. Kien għalhekk li l-funeral sar ġewwa l-kastell kif ukoll li l-pubbliku ntalab biex ma jinġabarx hemm jew f’residenzi rjali oħra.

Madanakollu, l-aspetti ċerimonjali tal-funeral baqgħu skont ix-xewqat tal-Prinċep Philip u rriflettew l-affiljazzjonijiet militari tiegħu u l-elementi personali ta’ ħajtu.

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks