Select Page

Meta tkun tfal hux? Xħin kien jaraha tħares lejh fil-klassi; għaliex ħlief tħares lejh il-ħin kollu ma kinitx tagħmel, kien joqgħod jgħajjibha u jħarsilha bl-ikrah.
Issa ma setax jiftakar eżatt, imma lil Amanda dak iż-żmien tgħidx kemm kien jaqbad magħha u jgħid kontriha mat-tfal l-oħra.
Tgħid x’kien sar minnha dik? Kien ilu ħafna ma jisma’ fuqha jew jaraha x’imkien.
Il-kurżità ta’ min seta kien sid dan il-ktieb ġegħlitu jibda jqalleb minn paġna għal oħra forsi jara jekk dan il-ktieb kellux xi ħjiel oħra li kien jappartjeni lill-ewwel imħabba ta’ ħajtu u ċioè Abigail. Jew l-iktar tifla li kien jobgħod meta kienu tfal u ċioè Amanda.
Jew forsi ħadd minnhom.
Imma hekk xħin beda jqalleb, innota tpinġija fuq paġna vojta.
Tifel imħażżeż bil-lapes liebes flokk b’numru ħamsa fuqu.
Minjaf? Tgħid għal xiex kien dak…..? Forsi kien xi maħbub ta’ sid il-ktieb………beda jhewden waħdu.
Imbagħad qalleb erba’ paġni oħra u lemaħ tifla u tifel impinġijin flimkien, libsin donnu lbies ta’ tieġ…….
“Din riedet tiżżewweġ……” qal waħdu bi tbissima.
Issa l-kurżità kienet kibret. Tgħid il-ktieb…….
Imbagħad ftakar li lil Amanda ta’ sikwit kien jaraha tħażżeż fuq il-kotba.
Qalleb paġna oħra u ra tifel b’rasu maqtugħa u dudu tal-ħarir impinġi maġenbu.
Kompla jqalleb u fl-aħħar paġna ra tebut impinġi u tifla ġo fih.
Inħasad.
Dawn it-tpinġijiet kienu xi ftit turbolenti u għalkemm kienu mpinġijin b’mod sabiħ, donnhom kien fihom messaġġ.
Poġġa l-ktieb fuq l-iskrivanija u ħareġ fil-parapett ipejjep sigarett. Kienet qabditu r-rogħda jħares lejn dawk it-tpinġijiet.
Amanda.
Issa kien qed iħossu kważi ċert li Amanda kienet għamlithom. Ma kien jaf lil ħadd aktar b’dawk l-inizjali fir-raħal u li kienet tħobb tpinġi ħlief hi.

Il-ġimgħa d-dieħla…ir-raba’ u l-aħħar parti ta’ dan ir-rakkont…

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks