Ritratt li f’dawn l-aħħar sigħat ġibed l-attenzjoni u s-simpatija ta’ ħafna huwa dak li juri lir-Reġina bilqiegħda waħedha waqt il-funeral tal-Prinċep Philip.
Il-familja Rjali żammet strettament mar-regolamenti tar-Renju Unit relatati mal-Covid-19 waqt il-funeral tal-Prinċep Philip, u kien proprju għalhekk li r-Reġina qagħdet waħedha.
Dawk kollha li mhumiex membri tal-istess dar kienu meħtieġa joqogħdu madwar żewġ metri ‘l bogħod minn xulxin. Ir-Reġina u l-Prinċep Philip kienu ilhom f’bubble ma’ xi membri tad-dar tagħhom għal din l-aħħar sena fil-kastell ta’ Windsor u allura r-Reġina ma setgħetx tingħaqad ma’ membri oħra tal-familja tagħha waqt il-funeral.
Ir-Reġina u l-Prinċep Philip kienu ilhom miżżewġin 73 sena, u l-Prinċep, li miet nhar il-Ġimgħa li għadda fl-età ta’ 99 sena, kien l-aktar konsorti li ilu jservi lin-nazzjon.
