Għandek bżonn (għal 6 porzjonijiet):
750g għaġin Lumaconi (gnocchi mill-kbar)
Għall-mili:
500g irkotta
Vażett jew 190g pesto tal-ħabaq
Niskata melħ
Niskata bżar
Għaz-zalza:
Basla, mqatta’ rqiqa
Tliet sinniet tewm imqatta’ rqaq
400ml meraq tat-tadam (puree)
400g tadam imqatta’
Mgħarfa sagħtar
Mgħarfa riegnu
Żewġ kuċċarini curry
Kuċċarina mixed spice
Mgħarfa kunserva
300ml ilma
Kuċċarina żejt taż-żebbuġa
200ml besciamella jew krema friska
Metodu:
Ibda billi tlesti z-zalza:
- Saħħan iż-żejt ġo kazzola.
- Żid il-basla u t-tewm.
- Żid is-sagħtar, il-curry u l-mixed spice.
- Ħawwad għal ftit minuti sakemm il-basla u t-tewm jirtabu.
- Żid it-tadam imqatta’, il-meraq tat-tadam u l-ilma.
- Ħawwad sew u kif tkun ha tiftaħ tagħli, baxxi n-nar u ħalliha ttektek għal madwar 20 minuta. Ħawwad spiss.
- Sadanittant, ħallat l-irkotta, il-pesto, il-melħ u l-bżar ġo skutella kbira.
- Meta z-zalza tkun għaqdet ftit, ipprepara d-dixx jew dixxijiet li tkun se tuża.
- Ferra ftit miz-zalza ħamra fid-dixx tiegħek. Mhux wisq, kemm tgħatti l-qiegħ tad-dixx.
- Irranġa l-Lumaconi nej wiċċu ‘l fuq fid-dixx tiegħek. Kemm jista’ jkun tħallix spazju bejniethom.
Imlihom b’madwar kuċċarina tat-taħlita tal-irkotta f’kull waħda.
Tista’ tagħmel saff wieħed jew tnejn skont il-fond tad-dixx tiegħek. - Meta tkun imlejt il-Lumaconi kollha, ferra’ z-zalza ħamra fil-wiċċ biex tgħattihom kollha, u roxx ir-riegnu fil-wiċċ.
- Imbagħad żid il-besciamella jew krema friska fil-wiċċ. M’għandekx għalfejn tgħatti d-dixx kollu biz-zalza bajda.
- Sajjar fil-forn għal madwar siegħa, jew sakemm tara li l-lumaconi sar b’ponta ta’ sikkina u l-wiċċ ikun ħmar.

L-ikla t-tajba!
Jekk għandek xi mistoqsijiet dwar din ir-riċetta u oħrajn, ibgħatilna fuq info@skoperta.net
Ikkumenta

Kontributriċi