Wara r-rispons tagħkom xtaqt nikteb ftit aktar dwar il-Fibromyalgia biex nitgħallmu aktar dwarha. Nemmen ħafna li bit-tagħlim u l-awareness ta’ din il-kundizzjoni tista’ tgħinna nkampaw magħha aħjar. Nixtieq nirringrazzja dawk l-individwi li qasmu l-istorja tagħhom fil-kummenti. Din il-pandemija affettwat ħafna affarijiet madwar id-dinja; is-saħħa mentali tal-bniedem, ix-xogħol, it-tfulija, il-familja, affettwat ħafna aspetti u spiċċat affettwat individwi li għaddejjin bil-fibromyalgia. Nixtieq infakkar lil dawk li għaddejjin minnha biex jagħmlu kuraġġ, anke jekk illum l-unika ħaġa li ġisimhom ħalliehom jagħmlu hi jifirxu s-sodda biss.
Naqbel ma’ ħafna minnkom li l-fibromyalgia jaf tkun kundizzjoni kiefra għall-individwu u anke n-nies tal-madwar. Nifhem ħafna li dan l-uġigħ li ma tkunx taf minn fejn ġej kultant ikun agħar mis-soltu li jwassal għall-emozzjonijiet differenti u tibdil fil-ħajja tagħna. Emozzjonijiet ta’ għeja fiżika u mentali, dwejjaq u frustrazzjoni. U nifhem ukoll li t-triq għad-dijanjosi tal-fibromyalgia mhijiex waħda ħafifa u qasira, anzi ġġib magħha ħafna mistoqsijiet, stennija u dubji. Però għalkemm jaf din it-triq tinħass diffiċli u tas-solitudni jeżistu tipi differenti ta’ għajnuna li tfakkrek li m’intix waħdek.
Jeżistu tipi differenti ta’ trattamenti li wieħed jista’ jipprova. Ir-raġuni li qed ngħid wieħed għandu jipprova hi li peress għad ma hemmx trattament dirett għall- fibromyalgia, wieħed jaf ikollu bżonn jesperimenta x’jaħdem l-aktar għalih wara li jiddiskuti mal-professjonisti meħtieġa. Dan ma jfissirx li nagħmlu xi ħaġa waħda u se nkampaw magħha però jaf tinvolvi tipi differenti ta’ trattamenti. Jaf xi mediċini jgħinu imma teżisti wkoll għajnuna psikoloġika fil-forma ta’ terapija fejn tgħinek tagħraf kif timmaniġġja dan l-uġigħ aħjar. Din it-tip ta’ terapija tiffoka fuq l-importanza ta’ li taċċetta l-uġigħ u tadatta għalih li ma tħallihx jiddomina l-valuri importanti ta’ ħajtek. Insostni li din hija biss parti mit-trattament. Però teżisti għajnuna oħra bħal dwar dak l-ikel li għandek tiekol. Importanti ħafna li nagħrfu li kulħadd differenti, u dan japplika wkoll meta qed nitkellmu dwar l-ikel. Li jogħġob lili ma jfissirx li ħa jogħġob lil ħaddieħor, u anke forsi ikel li jittollera ġismi jista’ ma jittollerax ħaddieħor. Tajjeb naqsmu ma’ xulxin dak li sibna jaħdem għalina però nissuġġerixxi ħafna li wieħed jirrikorri għall-għajnuna professjonali m’għand dietista jew nutritionist meta jkun se jagħmel deċiżjonijiet relatati mal-ikel, speċjalment meta wieħed ikun għaddej minn xi kundizzjoni. Dawn il-professjonisti jistgħu jgħinuk tibni pjan ta’ ikel li jgħinek tħossok healthy u tgħinek tħossok aħjar.
Apparti nutrizzjoni, tajjeb nagħrfu x’tip ta’ eżerċizzju għandna nagħmlu. Eżerċizzju ma jfissirx li mmorru niġru jew naqbżu imma anke sempliċi eżerċizzju ta’ stretching jew yoga. Dawn it-tipi ta’ eżerċizzji huma ta’ intensità baxxa u meta nkunu attivi tgħin ħafna s-saħħa mentali tagħna. Suġġeriment ieħor hu li jekk tħoss l-uġigħ waqt l-eżerċizzju, nistiednek tkellem fiżjoterapista li tista’ tgħinek tagħraf x’inhu l-aħjar eżerċizzju għalik. Bħalma l-ikel ivarja minn persuna għall-oħra anke l-eżerċizzju.
Dawn huma ftit ħsibijiet li xtaqt naqsam magħkom. Id-darba li jmiss se nitkellem aktar dwar ir-relazzjoni bejn l-istress u l-uġigħ u x’għandna nagħmlu biex nagħrfu kif dawn qed jaffettwaw lil xulxin.
Dwari: Health Psychology Practitioner ġewwa Willingness Team u naħdem ma’ individwi li għaddejjin minn kundizzjonijiet kroniċi bħal fibromyalgia, kanċer eċċ. Naħdem wkoll fil-qasam ta’ tibdil fl-imġieba tas-saħħa bħal nutrizzjoni aħjar, aktar eżerċizzju u rqad aħjar.

Health Psychology Practitioner