Select Page

Għal dawk kollha li jħobbu jaqraw bil-Malti, żgur li s’issa ltaqgħu ma’ xi ktieb ta’ Sharon Calleja, li hija l-awtriċi ta’ Ċagħaq, Friefet, Pupa tal-Porċellana, Il-Kaxxa tad-Daqq u Rubini. Minn għada stess se joħroġ il-ktieb ġdid fjamant li għandu l-isem ta’ Passju, ippubblikat minn BDL Publishers San Ġwann.

Filwaqt li din is-sena stess, Sharon Calleja ggradwat u ġabet il-Warrant ta’ avukata, din l-awtriċi, produttriċi, direttriċi u attriċi kitbet ukoll diversi drammi teatrali f’bosta teatri lokali u anke skripts li nħadmu għat-televixin.

Dan is-sitt ktieb ta’ din l-awtriċi jeħodna fit-Tieni Gwerra Dinjija f’Malta u anke fl-Uganda, fejn għalkemm huwa marbut ma’ storja fittizja, fih ċerti eventi li huma marbutin ma’ dak li ġara tabilħaqq fi żmien missirijietna. Passju hija storja drammatika miżgħuda b’element senswali li huwa xi ftit differenti mill-kotba l-oħra ta’ Sharon Calleja. Dan ir-rumanz mirqum kemxejn ukoll b’intriċċi sopranaturali li jqanqlu l-kurżità sal-aħħar paġni sakemm tinkixef il-verità.

Passju huwa storja ta’ mħabba marbuta mal-Passju, logħba li għalkemm tagħmel parti mill-kultura Maltija, illum il-ġurnata nqatgħet xi ftit id-drawwa tagħha. F’dan ir-rumanz niltaqgħu ma’ Eva u l-imħabba ta’ ħajjitha – is-Surġent Maġġur Christopher Michael Steward. Wara li jibdlulha l-apparenza, Eva tispiċċa spija fuq il-Brigadier Frederick Ralph Henson u tgħix ħajja li mhix tagħha. Imma x’jiġri xħin tinkixef il-verità? Tgħid is-Surġent Maġġur kien verament mejjet? Min kien dak is-suldat misterjuż li kien salvalha ħajjitha? U x’jiġri dakinhar tat-tieġ tagħha?

Passju, minn għada fil-ħwienet tal-kotba ewlenin.

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks