Minkejja l-benefiċċji rrappurtati, l-iscreening preventiv għall-ħarsien tas-saħħa sesswali kważi qatt mhu parti mill-kura ta’ nisa b’diżabilità. Ir-riċerka wriet li n-nisa b’diżabilità jirċievu skrinjar mhux frekwenti u li dan ma jsirx bir-rati rakkomandati. Dan jista’ jkun minħabba suppożizzjonijiet li n-nisa b’diżabilità huma sesswalment inattivi u bħala konsegwenza f’riskju baxx li jiżviluppaw kundizzjonijiet u mard relatat mal-organi sesswali u riproduttivi tagħhom.
Nisa b’diżabilità, xi drabi, ma jkollhomx għarfien dwar l-iskop u l-proċeduri tal-iscreening għall-ħarsien tas-saħħa sesswali, kif ukoll il-frekwenza rakkomandata tagħhom, u fl-aħħar mill-aħħar jemmnu li mhumiex meħtieġa. Il-familja u dawk li jipprovdu s-servizzi għandhom rwol kritiku fl-aċċess għal dan it-tip ta’ screening, madankollu jekk it-twemmin tagħhom ikun infurmat ħażin huma jistgħu ma jifhmux l-importanza ta’ screening bħal dan.
It-Tobba Ġenerali (GPs) xi drabi wkoll għandhom it-tendenza li jemmnu li n-nisa b’diżabilità ma jeħtiġux tali screening minħabba d-diżabilità tagħhom. L-involviment edukattiv huwa meħtieġ għall-ġenituri u l-professjonisti sabiex jinfurmaw u jedukaw ruħhom dwar il-perikli li wieħed jassumi li n-nisa b’diżabilità ma jeħtiġux screening għall-ħarsien tas-saħħa sesswali. L-appoġġ tal-ġenituri, il-carers u dawk li jipprovdu s-servizzi huwa rrakkomandat sabiex in-nisa kollha b’diżabilità jsiru konxji tal-importanza tal-iscreening tas-saħħa sesswali u biex iħeġġiġhom jagħmlu screening bħal dan. Barra minn hekk, in-nisa b’diżabilità jeħtieġu informazzjoni u għarfien dwar l-iscreening.
Il-miti li n-nisa b’diżabilità huma asesswali u li ma jeħtiġux screening għall-ħarsien tas-saħħa sesswali jeħtieġ li jispiċċaw.

Kap tad-Dipartiment tal-Istudji dwar id-Diżabilità,
fi ħdan il-Fakultà għall-Benessri Soċjali tal-Università ta’ Malta,
li tagħha hija wkoll Viċi Dekan.