Wara s-suċċess u r-rispons li kisbet il-kanzunetta Binti, kitba ta’ Roberta Magri u kompożizzjoni ta’ Richard Micallef, illum J’Anvil u Jade għadhom kemm nedew il-vidjow mużikali li jikkumplimenta s-sinifikat sentimentali ta’ din il-kanzunetta.
skoperta.net tkellem ftit magħhom dwar l-esperjenza u l-emozzjonijiet li ġegħlithom jgħixu l-kanzunetta tant għal qalbhom, Binti..

X’kienet l-ewwel reazzjoni tagħkom meta smajtu għall-ewwel darba l-kanzunetta Binti, u eventwalment meta interpretajtuha għall-ewwel darba?
Jade: Meta smajna l-kanzunetta għall-ewwel darba kemm jien u kemm missieri qabadna l-bard għax kienet ħolma li konna ilna nixtiquha u anki kieku ma sarx il-festival xorta kienet ħa ssir din il-kanzunetta allura għalina kienet ħolma li ġiet realtà. Meta interpretajniha għall-ewwel darba fir-rehearsals tal-festival konna emozzjonati ħafna, għax għalina kienet esperjenza unika.
J’Anvil: Il-kanzunetta kienet proprju miktuba għalina kif għandha tkun għal kull kantant u allura mill-bidu tal-kanzunetta diġà kien hemm rabta speċjali.
Xi tfisser għalikom Binti?
Jade: Għalkemm Binti hija kanzunetta dwar meta l-missier ikollu jħalli lil bintu fil-ġurnata tat-tieġ, tirrapreżenta l-bond ta’ bejni u bejn missieri. Fil-verità, kif ħafna jafu, jien daddy’s girl, u allura għalina Binti tirrapreżenta l-bond b’saħħtu li għandna bejnietna.
J’Anvil: Binti hija l-kanzunetta li torbot lili u lil Jade għal dejjem, is-siġill tar-rabta tagħna!
Kif ġiet l-idea li taħdmu fuq vidjow mużikali għal din il-kanzunetta?
Jade: Oriġinarjament ma kellniex ħsieb li nagħmlu vidjow mużikali però malli nżilna minn fuq il-palk kellna rispons kbir ħafna li ma stennejnihx u allura la rajna li ntlaqgħet tajjeb ħafna mill-pubbliku u ried aktar, iddeċidejna li nagħmlu l-vidjow mużikali.
J’Anvil: Wara l-fatt li l-kanzunetta ntlaqgħet sew wara li tajna l-prestazzjoni tagħna, ridna li n-nies igawduha aktar u nkomplu nżidu l-memorji ta’ din id diska b’rabta sentimentali, u fl-istess ħin rigal għal dawk kollha li jħobbu l-mużika Maltija u dawk li tawna l-appoġġ tagħhom.

Kif kienu l-preparamenti u l-produzzjoni tal-vidjow?
Jade: Meta bdejna nippjanaw għalih it-tnejn li aħna qabilna li rridu vidjow sempliċi li jirrapreżenta u joħroġ l-emozzjonijiet li naħseb kull missier u bint iħossu għal xulxin kemm f’dik il-ġurnata kif ukoll matul ħajjithom. Bħala kunċett u preparamenti kienu kollha f’idejna, imbagħad ovvjament irnexxielna noħolqu l-vidjow li xtaqna flimkien ma’ Victor Abela, li ġibed il-vidjow.
J’Anvil: Ridna li jkollna vidjow sempliċi li nħallu l-kanzunetta tispikka imma fl-istess ħin inwasslu l-messaġġ tas-sinifikat tagħha. Inġibed fi studjo b’effett ta’ infinità li tfisser l-imħabba ta’ bejni u bejn Jade, b’element ta’ naqra żfin, li din il-kanzunetta ddedikata għaliha. Xtaqt ninkludu wkoll il-memorji personali ta’ binti fuq il-palk ta’ meta kienet żgħira, fil-fatt dak li qed jidher huwa show ġewwa Baystreet f’Malta u ġewwa Pariġi fi Franza.
Sibtu xi sfidi partikolari fiċ-ċirkostanzi li qiegħdin fihom?
Jade: Dwar il-ġbid tal-vidjow ma sibniex sfidi partikolari, l-unika sfida li sibt, jekk tista’ ssejħilha hekk, kienet biex nagħmel xagħri, make up eċċ peress li kulħadd kien magħluq. Il-bqija ma kienx hemm sfidi kbar u kollox mexa sew.
Liema xena mill-vidjow hija l-aktar għal qalbkom?
Jade: Mistoqsija diffiċli din għax hemm żewġ xeni li huma għal qalbi ħafna. L-ewwel waħda hija x-xena li nuru filmat ta’ snin ilu fejn minn ta’ eta żgħira kont diġà nkanta ma’ missieri, tqanqal ħafna emozzjonijiet sbieħ. It-tieni waħda hija x-xena ta’ fejn qed niżfnu għax it-tnejn għandna ż-żfin għal qalbna u hija ħaġa sabiħa immens li qed nerġgħu niżfnu flimkien għal dan il-vidjow.
J’Anvil: Diffiċli għalina wkoll din għax tant ħdimna fuqu li kull sekonda għalina kienet importanti!
Hemm xi kurżitajiet partikolari dwar il-ġbid tal-vidjow li tistgħu taqsmu magħna?
J’Anvil: Xi ħaġa umoristika li nista’ niżvela hi li jien kont bil-kalzetti waqt ix-xena tiegħi u ta’ Jade!
X’fisser il-fatt li ħadtu sehem f’festival għall-ewwel darba flimkien b’kanzunetta li tirrapreżenta r-rabta u r-relazzjoni ta’ bejnietkom?
Jade: Kif għidt kemm-il darba, jien u missieri ġieli naħdmu flimkien allura ma kinitx l-ewwel darba li kantajna flimkien imma kienet l-ewwel esperjenza tagħna fuq palk u festival daqshekk kbir. Ma nistax infisser l-emozzjoni li ħassejt, emozzjoni sabiħa immens u tfisser ħafna, il-fatt li tkanta ma’ missierek hija esperjenza unika. Ħa jgħaddi ż-żmien u se tibqa’ memorja speċjali ħafna għalina.
J’Anvil: Din kienet xi ħaġa kbira għalina, il fatt li spiċċajna fuq livell nazzjonali, din kienet ħolma tagħna li saret realtà. Għalkemm jien il-kompetizzjonijiet idejquni, għall-kuntrarju ta’ li ħafna jaħsbu li nieħu gost, nagħmilha għax inħbb l-ispettaklu u ftit huma l-opportunitajiet biex teżebixxi fuq palk bħal dak allura l-fatt li jien u binti għaddejna minn din il-meravilja ovvjament se tibqa’ mnaqqxa għal dejjem sakemm id-dinja tibqa’ ddur!!
Minkejja li ma kinitx waħda mill-finalisti, Bintu kienet waħda mill-kanzunetti li ntlaqgħet tajjeb ħafna man-nies. X’kienet ir-reazzjoni tagħkom għal dan? Kuntenti bir-rispons li rċevejtu s’issa?
Jade: Kif diġà għidt, wara l-interpretazzjoni ta’ Binti, onestament ma stajniex inlaħħqu mal-messaġġi kollha li rċevejna. Konna nafu li ħafna ħa jirrelataw mal-kanzunetta għax dak kien l-għan tagħna wara kollox, però ma ħsibniex li se jkollna risponsabbli daqshekk qawwi. Ninsabu kuntenti ħafna li ntlaqgħet tajjeb min-nies għax ovvjament dik l-aktar ħaġa importanti u onorati li rnexxielna nwasslu dak li xtaqna lill-poplu Malti u ntogħġob.
J’Anvil: Storja helwa hija li jien lestejt messaġġ ħelu ħelu għall-promozzjoni, sabiex wara li nkantaw nibgħatu lil xi ħbieb u oħrajn għal ftit voti taf kif, kellna l-ħin peress li kantajna fil-bidu….li ma konniex qed nistennew hu li rċevejna ħafna u ħafna messaġġi kemm jien u kemm Jade tant li spiċċajna ma bgħattna l-ebda messaġġ!!!!
Jade, x’inhi l-isbaħ ħaġa li tħoss li għaddielek il-papà?
Minn ta’ età żgħira minn dejjem urejt ix-xewqa li nkun fix-xena tal-mużika, ovvjament li dejjem kont niġri ma’ ommi u missieri f’festival, rehearsal u avvenimenti oħra relatati mal-mużika għenet xi ftit ukoll però missieri qatt ma sfurzani biex inkun f’din ix-xena. Il-fatt li kien dejjem warajha u għeni biex wasalt sa fejn wasalt illum, hija l-isbaħ ħaġa li qatt seta’ jagħtini.
J’Anvil, x’inhi l-aktar ħaġa f’Jade li tagħmlek kburi biha?
Għalija l-fatt li għarfet id-don u t-talent tagħha hija xi ħaġa li tagħmilni kburi biha grazzi lill-ħallieq ta’ dan. Apparti li jien u Jade għandna bond b’saħħtu ħafna, però nista’ ngħid dan li maż-żewġ uliedi għandi bond b’saħħtu.
X’messaġġ tgħaddu lil Maltin u Għawdxin?
Jade: L-ewwel u qabel kollox nixtieq ngħid grazzi lill-Maltin u l-Għawdxin kollha li ssapportjawna u wrew sapport u apprezzament għall-kanzunetta Binti kif ukoll apprezzaw dak kollu li ħdimna għalih jien u missieri. Fl-aħħar u mhux l-inqas ngħid lil kulħadd li l-familja hija l-isbaħ ħaġa li wieħed għandu jgħożż u jieħu ħsieb għaliex ovvjament daqskemm ikunu hemm għalik il-familja, naħseb ħadd.
J’Anvil: Il-messaġġ huwa wieħed biex ikomplu jagħtu l-appoġġ lill-artisti Maltin speċjalment issa ara kemm għandna kanzunetti ġodda kollha fir-repetorju Malti. Nixtieq illi din il-kanzunetta niddedikawha lill-missirijiet kollha li taw jew se jagħtu lil binthom għaż-żwieġ u j’Alla l-imħabba ta’ bejniethom ma tmut qatt.
