Select Page

Ir-Reġina Eliżabetta II qed timmarka għeluq il-95 sena tagħha, ftit jiem biss wara l-funeral tal-Prinċep Philip, ir-raġel tagħha għal 73 sena.

Imwielda f’Londra fil-21 t’April, 1926, ir-Reġina ġeneralment tiċċelebra għeluq sninha b’mod privat, iżda l-okkażjoni tkun immarkata pubblikament b’salut permezz ta’ sparar ċerimonjali f’Hyde Park, Windsor Great Park u Tower of London. Din it-tradizzjoni kellha titwaqqaf is-sena oħra, u anki din is-sena, mhux biss minħabba l-pandemija iżda wkoll minħabba li l-Familja Rjali tinsab uffiċjalment f’luttu sal-Ġimgħa.

Fi stqarrija maħruġa biex tikkonċidi ma’ għeluq sninha, ir-Reġina rringrazzjat lill-pubbliku għax-xewqat tajba tagħhom u qalet li kkomwoviet ruħha ħafna bil-ġieħ li qed jingħata d-Duka ta’ Edinburgu.

Ir-Reġina qalet li tapprezza ħafna l-bosta messaġġi ta’ xewqat sbieħ li rċeviet fl-okkażjoni tal-95 sena tagħha, u żiedet tgħid li filwaqt li bħala familja jinsabu f’perjodu ta’ dwejjaq kbar, huwa ta’ konsolazzjoni għalihom li jaraw u jisimgħu l-ġieħ li qed jingħata r-raġel tagħha l-Prinċep Philip, minn dawk fir-Renju Unit, il-Commonwealth u madwar id-dinja.

“Jien u l-familja tiegħi nixtiequ nirringrazzjawkom ilkoll għas-sapport u s-simpatija li wrejtuna f’dawn l-aħħar jiem”, filwaqt li żiedet tgħid li dan ifakkar l-impatt straordinarju li l-Prinċep Philip ħalla fuq għadd ta’ nies matul ħajtu kollha.

Minkejja li riċentament tnaqqsu xi restrizzjonijiet marbuta mal-Covid-19, ir-regoli ta’ distanza soċjali għadhom fis-seħħ fil-Gran Brittanja. Għaldaqstant, numru żgħir biss ta’ staff qed ikun ta’ servizz għar-Reġina fil-Kastell ta’ Windsor, fejn qattgħet aktar minn sena f’bubble, mal-Prinċep Philip.

Għalkemm mhux il-membri kollha tal-Familja Rjali jistgħu jqattgħu ħin flimkien, il-midja Ingliża rrapurtat li xi wħud mill-familja mistennija jingħaqdu mar-Reġina f’Windsor biex jimmarkaw għeluq sninha b’mod privat.

Minbarra l-jum attwali tagħha ta’ għeluq sninha f’April, Il-monarka għandha wkoll jum uffiċjali fejn tiċċelebra għeluq sninha, ġeneralment ikun it-tieni Sibt ta’ Ġunju.

Iċ-ċelebrazzjonijiet normalment jinkludu purċissjoni militari fuq skala kbira, magħrufa bħala Trooping the Colour. Ir-Reġina normalment tidher fil-gallarija tal-palazz Buckingham mal-familja tagħha għall-okkażjoni.

Kemm iċ-ċerimonji ta’ din is-sena kif ukoll tas-sena li għaddiet kellhom jiħassru minħabba l-pandemija.

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks