Fil-ġimgħat li għaddew tkellimna dwar kif niffaċċjaw sitwazzjonijiet diffiċli f’relazzjoni u llum se niffukaw dwar x’jgħin biex inżommu relazzjoni jew żwieġ b’saħħtu. Ħafna mill-klijenti li niltaqa’ magħhom jiġu meta s-sitwazzjoni tkun waslet f’xifer l-irdum u ħafna jiddispjaċihom li ma kinux ħadu ħsieb l-affarijiet qabel. Dan iġiegħelna nirrealizzaw u nħarsu lejn relazzjoni bħala xi ħaġa ħajja pereżempju pjanta trid issaqiha u tindukraha biex tibqa’ ħajja.
Fir-realtà mhux dejjem faċli, għax ngħiduha kif inhi ngħixu hajja mgħaġġla ħafna u xi kultant nidraw nieħdu l-affarijiet for granted. Imma din hija xi ħaġa li rridu nikkunsidraw. Relazzjoni ma tistax tfendi waħedha iżda importanti li ż-żewġ individwi jaħdmu flimkien biex iżommuha ħajja. Il-konnessjoni ta’ bejn koppja hija kruċjali u f’kull ċirkostanza din għandha tkun prijorità li naħdmu biex nieħdu ħsiebha. Anke jekk pereżempju hemm it-tfal. It-tfal irridu nagħtuhom l-aħjar li nistgħu iżda jekk it-tfal mhux se jaraw l-unjoni u mhux se jieħdu eżempju tajjeb, dawn se jbatu xorta. Allura li nieħdu ħsieb ir-relazzjoni hija importanti fl-aħħar mill-aħħar mhux biss għall-koppja iżda wkoll għall-ulied. Tajjeb li nżommu f’moħħna li veru tajjeb li l-ulied ikollhom l-aħjar affarijiet materjali iżda naħseb tajjeb ukoll li jaraw lill-ġenituri f’unjoni allura xi kultant aħjar naqra inqas xogħol iżda aktar ħin li nistgħu nqattgħu flimkien (dejjem jekk aħna nistgħu u huwa possibbli għaċ-ċirkostanzi tal-familja tagħna)

Ngħaddu għal xi punti li jistgħu jgħinuna nżommu relazzjoni tagħna b’saħħitha u ħajja
- Il-kommunikazzjoni ta’ bejn il-koppja hija kruċjali u importanti ħafna… jekk ma nitkellmux ma’ nistgħux nibqgħu close ma’ xulxin.. tajjeb li forsi nsibu ħin fil-ġurnata fejn nistgħu nitkellmu ftit, imqar fuq dak li nkunu għaddejna minnu matul il-jum…
- Nippruvaw nagħmlu li nistgħu biex insibu ħin naħdmu fuq diffikulatjiet li għandna jew nuqqas ta’ qbil ta’ bejnietna. Li nitfgħu l-affarijet taħt it-tapit mhux se jgħin żgur…
- Importanti li nsibu ftit ħin fejn niddevertu u nieħdu gost flimkien u fejn għandna ċans naljenaw ruħna mill-intoppi tal-ħajja… meta hemm it-tfal fir-relazzjoni xorta importanti li nżommu appuntament għal xi date night jekk hemm bżonn..
- Jekk ngħaddu minn xi diżappunt jew xi tagħlima fil-ħajja importanti li nitkellmu mal-partner tagħna għax din tista’ tgħinna nħossuna aktar close
- Li wieħed juri sapport emozzjonali u li nuru affett u kumplimenti lil partner huma wkoll importanti ħafna biex inżommu r-relazzjoni ħajja
- L-imħabba, l-intimitá, ir-romantiċiżmu u s-sess huma kollha ingredjenti li jgħinu lir-relazzjoni timxi ‘l quddiem. Wara ċertu żmien jista’ jkun li naħsbu li m’għadx hemm dak l-ispark. Importnati li nippruvaw nsibu modi kif jirnexxielna nerġgħu nixgħelu l-fjamma.
- Li jkollna għanijiet, ħolm jew insibu interessi li jgħaqqduna hija xi ħaġa sabiħa ħafna għax jgħinu lill-koppja tibqa’ magħquda
- Li nuru kompassjoni, li naċċettaw xi żbalji u li naħfru huma wkoll elementi li jgħinu immens biex inżommu r-relazzjoni ħajja
- Tajjeb li koppja jippruvaw esperjenzi ġodda flimkien biex b’hekk ma naqgħux f’monotonija
- Li nammettu li żbaljajna u li nitkellmu fuq dak li ġara jgħinna nirrikonċiljaw u nħossuna aktar komdi u ġenwini mal-maħbubin tagħna
Xi kultant huwa normali li ma naqblux f’kollox imma importanti li fl-aħħar mill-aħħar niġbdu ħabel wieħed.. u li niftakru li l-ingredjentii li nitfgħu aħna stess jistgħu jgħinu jew ikissru r-relazzjoni li qiegħdin fiha.. mhux dejjem faċli iżda mhux impossibbli..
Jekk naraw li l-affarijiet ma nistgħux insolvuhom bejnietna importanti li nfittxu għajnuna professjonali qabel ma jkun tard wisq..
Awguri u tislijiet
Jekk għandek xi suġġett partikolari li tixtieq li nitkellmu dwaru, ibgħatilna fuq info@skoperta.net

Counsellor
99115406