Select Page

X’inhuma l-pressjonijiet fid-demm, hekk imsejħa ta’ fuq, u ta’ taħt?

Il-pressjoni għolja fid-demm tkun preżenti meta wieħed ikollu diversi qari ta’ pressa fl-arterji li teċċedi il-140/90 mmHg. Dan il-qari huwa maqsum f’żewġt partijiet: Il-pressjoni hekk imsejħa ta’ fuq tikkorrespondi mal-ogħla pressa fid-demm meta l-qalb tkun qed tingħafas waqt it-taħbit, filwaqt li l-pressjoni ta’ taħt, tikkorrespondi mal-iżgħar pressa fid-demm, iżda din id-darba, meta l-qalb tkun rilassata.

Kif tiżviluppa din il-kundizzjoni hekk imsejħa bħala waħda ‘siekta’?

Huwa pjuttost normali, li l-pressjoni fid-demm togħla bi ftit, iktar ma’ wieħed jikber fl-età, però huwa importanti li wieħed jirrikorri għand it-tabib tiegħu u jiċċekkja l-pressjoni fid-demm frekwentament, għaliex f’bosta drabi, meta wieħed ikun qed isofri minn din il-kundizzjoni, ma jħoss xejn partikolari biex jindika dan. Infatti, din hija għalhekk imsejħa bħala kundizzjoni ‘siekta’, għalkemm ċerti nies ġieli jirrapurtaw li qed iħossu uġigħ ta’ ras, problemi fil-vista jew fis-smigħ, jew ħass ħażin, bħala sintomi.

Ħafna drabi, il-pressjoni għolja fid-demm tkun meqjusa bħala waħda ta’ kaġun primarju, jiġifieri ma jkun hemm l-ebda kundizzjoni oħra medika relatata magħha, però jista jkun hemm ukoll minoranza ta’ każijiet oħrajn, fejn il-pressjoni għolja fid-demm tkun qed tiġi kkawżata sekondarjament minn mard mediku ieħor, bħal mard fil-kliewi, tal-qalb, jew żbilanċ relatat mas-sistemi tal-endokrinoloġija. Kif ukoll, ikun hemm persentaġġ żgħir ieħor ta’ nisa, li l-pressjoni għolja toħroġilhom biss fit-tqala. F’dawn il-każijiet huwa vitali li wieħed iżur it-tabib tiegħu spiss, sabiex jevita li l-pressjoni għolja fid-demm twassal għall-kumplikazzjoni relatata mat-tqala, hekk imsejħa ‘ekklampsja’.

X’inhuma r-riskji assoċjati ma’ din il-kundizzjoni?

Huwa fatt magħruf illi fl-Ewropa, il-kundizzjoni ta’ pressjoni għolja fid-demm, qed tiżdied b’rata kemxejn mgħaġla. Sfortunatament, dan jista’ jwassal ukoll għal riskji ogħla ta’ mard kardjovaskulari, bħall-puplesiji jew attakki tal-qalb.

Meta wieħed ikun ilu jbati minn pressjoni għolja fid-demm, ikun qed ipoġġi strapazz qawwi fuq il-qalb, u dan jista’ jwassal sabiex il-muskoli tal-qalb jiġu iktar dgħajfa, jew kif ukoll jinħolqu problemi, bħal djuq fl-arterji koronarji. Huwa fatt li pressjoni għolja fid-demm hija wkoll riskju maġġur għall-puplesiji, jew djuq fl-arterji prinċipali fis-saqajn. Tant hu hekk, li meta l-pressjoni fid-demm ma tkunx ikkontrollata għal diversi snin, u wieħed ikollu diversi riski kardjovaskulari oħra, bħal xaħam, jew zokkor għoli fid-demm, wieħed jista’ wkoll jasal għall-punt li jkollu bżonn amputazzjoni ta’ partijiet minn ġismu, bħal swaba, minħabba nuqqas ta’ ċirkulazzjoni. Il-pressjoni għolja, tista’ tikkawża wkoll iktar kumplikazzjonijiet fir-retina tal-għajnejn, jew fil-kliewi.

X’nistgħu nagħmlu biex inżommu livell normali ta’ pressjoni fid-demm?

Hemm diversi affarijiet li wieħed jista’ jagħmel biex ibaxxi l-pressjoni għolja fid-demm. L-ewwel pass hu li wieħed jiekol ikel bnin, li jkun baxx fil-melħ u preservattivi, kif ukoll billi jipparteċipa f’eżerċizzju fiżiku regolari. Wieħed għandu jfittex ukoll li jaqta’ t-tipjip, u l-konsum eċċessiv ta’ alkoħol. Jekk wieħed ikun qed ibati minn obeżità, it-telf ta’ piż żejjed jgħin ukoll. Meta dan ma jkunx biżżejjed, it-tabib jista’ jiddeċiedi li jibda pilloli apposta li jikkontrollaw il-pressjoni għolja fid-demm.

Jekk tixtieq issegwi l-blog tiegħi tista’ tagħmel dan billi tagħmel ‘like’ fuq din il-paġna ta’ Facebook: ×Be Holistically Healthy, MD× | Facebook

Jekk għandek xi mistoqsijiet li trid tistaqsi jew xi suġġett li tixtieq li nitkellmu dwaru ibgħatilna fuq info@skoperta.net

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks