U jekk le, jekk le, forsi Abigail kellha namra għat-tpinġija u ma kienx jaf……..
Qabad il-ktieb u telaq ‘il barra. Mar id-dar ta’ zitu. Iz-zija tiegħu kienet waħda mill-għalliema li kienet għallmet f’dik l-iskola tal-mużika, fejn kien jattendi hu meta kien żgħir.
“Dik x’kien sar minnha Amanda?” staqsiha.
“Amanda…….” qaltlu xi ftit imbikkma, hekk malli għamlitlu bela’ kafè u poġġew bilqiegħda fuq il-parapett quddiem veduta li tgħaxxqek.
“Amanda kienet waqfet tiġi l-iskola tal-mużika malli bdejna l-ħames sena……..tiftakar?” staqsietu.
“Le. Ma kontx nagħti kasha.” Leħnu kien xott. Ma kienx jaf għala lil Amanda qatt ma kien jaħmilha. Qatt ma kellu grazzja magħha.
“Iva, kienet waqfet milli tiġi.”
“Grazzi,” qalilha.
“Paolo….” għajtitlu, eżatt malli kien wasal lejn il-bieb ta’ barra ta’ darha. “Dak il-ktieb fil-ħames sena konna nużawh.”
Paolo għamel żmien jhewden fuq il-ktieb tal-mużika. Iżda l-mistoqsijiet tiegħu baqgħu mhux imwieġba.
Sakemm………
Sakemm iltaqa’ ma’ sieħbu Danny.
Danny kien ġie għandu bla ħsieb, fetħu tnejn birra u qagħdu jirrilassaw ftit fis-salott.
Għal mument, Paolo kien nesa dwar il-ktieb u dak kollu li kellu x’jaqsam miegħu.
“Ara dak!” daħaq Danny hekk xħin rah fuq it-tavolin. “Il-ktieb li bdejna nitgħallmu fuqu.”
“Int tiftakarha lil Abigail?” staqsieh Paolo.
“U żgur! Min ma jiftakarhiex lil Abigail?” staqsieh sieħbu bi tbissima. “Tiftakar, inti kont tilgħab il-futbol dak iż-żmien? Domt ġimgħa biss għax xbajt? U kont laqqatt xi daqqa ta’ ballun f’nofs wiċċek?”
“Insejt madoff…….”
“Insejt? U ajma! Kellek flokk b’numru ħamsa fuqu! Ara kemm niftakar!”
Paolo donnu kesaħ għal dawk il-kelmiet.
Jiġifieri dik it-tpinġija……..forsi……jista’ jkun……….
“U lil dik Amanda tiftakarha?” staqsieh Paolo taqbdu r-rogħda.
“U żgur li niftakarha, Alla jaħfrilha.”
“Mietet?”
“U ejja Paolo fejn qed tgħix?” staqsieh sieħbu. “Insejt? L-aħħar darba li konna rajniha hu meta inti kont tfajtilha d-dudu tal-ħarir ġol-ikel! U kienet telqet ‘il barra tibki!”
Paola ħass ix-xfar t’għajnejh jaħarquh.
“U kienet tajritha karozza………” qallu. “Insejt?”
“Ma kontx naf.” Ħass l-għaraq ixoqq għalih.
“Tgħidx kemm kienet tiffansjak dik! Insejt kemm kienet tħarislek?”

Avukata u Awtriċi