Nitkellmu ma’ Ronald Saliba
Magħruf l-aktar bħala attur, iżda int proprju l-kittieb tas-sensiela Nostalġija li bdiet tixxandar mid-29 ta’ Marzu. Minn fejn u kif ġiet l-ispirazzjoni biex tibda tikteb din is-sensiela?
Kitba għat-televiżjoni kienet ilha ddur ġo moħħi għal ħafna snin. Imbagħad, fl-2019 wasal ż-żmien li kull filgħaxija bdejt nikteb xi ħaġa. Il-karattri kien ilhom snin twal jissawru ġo moħħi. Imbagħad dawn il-karattri kollha sabu ruħhom fl-istorja. Il-ħsieb kien li nagħmel madwar 39 episodju. Imma l-ewwel lestejt 17 biss. Il-ħsieb kien li jekk jintlaqgħu tajjeb, imbagħad, inkompli bl-episodji l-oħra. Ġara mbagħad li ġie l-lockdown ta’ Marzu 2020. U allura ħadt l-okkażjoni u komplejt 18-il episodju oħra.
X’tista’ tgħidilna dwar Nostalġija?
Il-ġrajja sseħħ fi tlett irħula. Ħal-Kbir huwa r-raħal ewlieni fejn iseħħu dawk il-ġrajjiet li jseħħu daż-żmien. Bil-kunflitti bejn il-kappillan, il-każin tal-banda, il-partiti politiċi u n-nies tar-raħal fejn insibu nies twajba u nies anqas twajba. F’Ħal-Waħdu insibu karattri interessanti. Dawn kollha bil-laqam, jitkellmu bl-aċċent, u kliemhom kollu idjomi. F’Ħal-Ħieles, għalkemm qed jgħixu llum, minn jeddhom jixtiequ li jibqgħu jgħixu ħielsa mill-iżvilupp.

Ġieli ktibt produzzjonijiet oħrajn qabel?
Bdejt nikteb ta’ 13-il sena. Novelli għar-Rediffusion. Wara ktibt drammi, kummiedji, fares, thrillers. Imma dejjem għall-palk. U għalkemm tnejn minnhom ġew irranġati għat-televiżjoni, NOSTALĠIJA hija l-ewwel kitba li nibtet u nkitbet għat-televiżjoni.
Kif bdiet il-karriera tiegħek ta’ attur?
Qatt ma kont miġbud li nitla’ fuq il-palk. F’moħħi kelli biss il-kitba. Imma darba kont qiegħed nidderieġi produzzjoni ta’ Carmel Gauċi b’kitba ta’ Ġorġ Peresso bl-isem ta’ L-INFERN JISTA’ JISTENNA. Ġara li min kien qiegħed jagħmel il-parti prinċipali ma setax ikompli (fl-aħħar ġimgħa) u kelli nidħol minfloku jien. Xi ħadd mill-Bonaci Brothers kien qiegħed jara din il-produzzjoni u tħajjar jagħtini parti f’Ipokriti. U minn hemm ma waqaft qatt.
Liema produzzjonijiet tħoss li għenuk l-aktar biex tevolvi bħala attur?
Kollha kemm huma. Meta kont nikteb u nidderieġi, kont nitgħallem il-ħin kollu. Kelli x-xorti li dejjem idderiġejt atturi kbar u ta’ esperjenza. U minnhom kont titgħallem il-ħin kollu.
Liema karattri li interpretajt tħoss li l-aktar ħallew impatt?
L-aktar li ħalla impatt kien il-karattru ta’ Philip f’Ipokriti. Mhux biss għax kien l-ewwel wieħed; imma aktar għax ma kienx ‘straight character’. Kien ‘rounded character’ fejn il-karattru żvolġa fuq ħafna episodji sakemm fl-aħħar spiċċa bniedem mitluq u dipress. Niftakarni nara l-film ‘Rainman’ ta’ Dustin Hoffman. Sigħat sħaħ nifli kull mossa li jagħmel. U tgħallimt ħafna minnu. Imma mbagħad, l-aktar karattru li ħadt gost nagħmel kien il-karattru ta’ Ċensu fid-Dar tas-Soru.

Liema kien l-aktar karattru diffiċli li interpretajt? U għaliex?
Il-parti ta’ Ġesù fil-passjoni tradizzjonali. Ħafna jaħsbu li dan huwa karattru interessanti. Għalija ma kienx. Huwa karattru fejn m’hemm xejn fejn l-attur jista’ jimraħ. Fejn żball żgħir huwa fatali.
Diffiċli ħafna kien il-karattru ta’ Frank Foster fil-farsa ta’ Alan Ayckbourn ‘How the Other Half Loves’. Żewg atti l-ħin kollu fuq il-palk. Traduzzjoni ta’ Frank Tanti għal Maleth. Is-sett maqsum f’żewgt idjar matul il-palk kollu. U trid toqgħod attent li ma tmissx xi biċċa għamara mid-dar l-oħra. Żewg familji jitkellmu fl-istess waqt imma ħadd mhu konxju mill-koppja l-oħra.
Kemm tħoss li sar progress f’dan il-qasam matul is-snin?
Sar progress kbir. Kemm fl-istil u anke fil-forma. Xorta nħoss, iżda, li dan l-aħħar qiegħed ikun hemm wisq produzzjonijiet; ma naħsibx li għandna diretturi, atturi, kitbiet etc.. biex jissodisfaw l-ammont kbir ta’ produzzjonijiet li qiegħdin isiru għat-televiżjoni. Bir-riskju li jitbaxxa l-livell. Fl-istess waqt, sfortunatament, niżel ħafna l-ammont ta’ produzzjonijiet teatrali li huma l-bażi għall-atturi biex wara jkomplu bit-televiżjoni.
Liema memorji ma’ atturi li m’għadhomx magħna huma l-aktar għal qalbek?
Charles Thake, Karmenu Gruppetta u Ġemma Portelli. Ma’ Charles Thake għaddejt snin twal intellgħu xi tlett produzzjonijiet fis-sena fl-Istitut Kattoliku u fit-Teatru Manoel. Ma’ Karmenu Gruppetta kelli x-xorti li naħdem fil-kummiedja ‘Appuntamenti fl-Appartamenti’. Karattru uniku u inimitabbli. Saqajh mal-art u twieled attur. Ma’ Ġemma Portelli għamilt sena niltaqgħu darbtejn fil-ġimgha fil-produzzjoni televiżiva popolari F’Baħar Wieħed.

X’jagħmlek attur tajjeb?
Attur tajjeb irid ikun ‘partikolari’ filwaqt li jibqa’ ‘kredibbli’.
Teatru jew televiżjoni? U għaliex?
Bla dubju ta’ xejn, teatru. L-ewwel nett għax tista’ tiżviluppa l-karattru aktar aħjar għax ix-xeni qiegħdin isiru fi ftit sigħat. U t-tieni għandek l-udjenza miegħek li tagħtik l-enerġija li ma tagħtihilekx it-televiżjoni.
Irrakkuntalna praspura li għamilt relatata mar-reċtar.
Aktar minn praspura aktar ngħidilha traġedja. Konna qiegħdin nagħmlu l-passjoni u jien kont qiegħed nagħmel il-parti ta’ Kristu. Wieħed mill-qassisin il-kbar fettillu jobżoqli bis-serjetà. Kif dħalna fil-kwint, jien qlajt il-labra li kienet qiegħda żżomli l-biċċa li kelli fuq il-malja li kelli taħt biex inniggżu biha. Fi ftit mumenti kelli nerġa’ noħroġ fuq il-palk inġorr is-salib. Erġajt għamilt il-labra imma m’għamilthiex sew. Il-konsegwenza kienet li eżatt f’nofs il-palk din l-imbierka biċċa bdiet nieżla. Xi ħadd beda jgħajjat minn bejn il-kwinti u spiċċajt nagħfas is-salib mal-biċċa biex ma taqax. Mur ara ‘l Kristu sejjer għal kruċifissjoni bil-malja.
‘Il bogħod mill-karriera tiegħek f’dan il-qasam, min hu Ronald Saliba?
Illum pensjonant. Il-mara tiegħi Rita u għandna tifla waħda Sarah. Illum ukoll għandna neputi li jismu Ronald ukoll. B’hekk ħajjtina mimlija sewwa.
Kif tiddeskrivi t-tfulija tiegħek? U liem memorji tgħożż l-aktar?
Sabiħa ħafna. Mid-dar għall-iskola, għall-Museum, nistudjaw u nilagħbu fit-triq mingħajr biża’ li ttajjarna karozza. Ngħożż ħafna il-ħarġiet ma’ tal-Mużew fis-sajf għall-baħar. U aktar tard il-ġimgħat camping ma’ żgħażagħ oħra f’Dar il-Fekruna.
Liema kienu l-isbaħ u l-agħar mumenti ta’ ħajtek?
L-isbaħ meta twieldet it-tifla tiegħi Sarah kif ukoll meta ħames snin ilu Sarah welldet lin-neputi Ronald. L-agħar kienet il-mewt ta’ missieri George li kien għalija ħabib qabel missier.
X’jispirak l-aktar?
Kull kelma li nisma’ u kull karattru li nara. Sirt nieqaf naħseb fuq kull ma nisma’ w nara.
Xi tqis li kienu l-kisbiet tiegħek?
Li wasalt fejn u kif ninsab illum. Tant, illi kieku kelli nerġa’ nibda mill-bidu nerġa’ nagħmel kull m’għamilt.
Fejn u kif jirnexxilek issib il-kuntentizza?
Fuq mejda tal-ikel għal xi ikla tajba jew għal xi kafè mal-familja u ħbieb.
X’messaġġ tgħaddi lil dawk li għadhom fil-bidu tal-qasam tar-reċtar?
Fittxu li tibdew mill-palk. U itilgħu fejn u kemm jgħidilkom il-produttur. Mhux dejjem tkun tajjeb jew ħażin daqs kemm taħseb int. Ħalli lil ħaddieħor jara fik il-ħiliet tiegħek.

Direttriċi u Editriċi