Nhar l-Erbgħa 21 t’April ir-Reġina għalqet 95 sena, iżda kont taf li r-Reġina tiċċelebra għeluq sninha darbtejn?

Minbarra d-data li twieldet fiha, hemm data oħra fejn issir ċelebrazzjoni uffiċjali ta’ għeluq sninha, li ġeneralment tkun fit-tieni Sibt ta’ Ġunju.

Għaliex tiċċelebra għeluq sninha darbtejn, u kif tiċċelebrahom?

Fil-passat, ċelebrazzjonijiet uffiċjali li jimmarkaw għeluq snin ta’ Re jew Reġina fir-Renju Unit ma kinux isiru fil-ġurnata attwali ta’ għeluq sninhom.

Il-bużnannu tar-Reġina, Edward VII, li kien Re mill-1901 sal-1910 twieled f’Novembru, xahar li fir-Renju Unit, it-temp ma jkunx daqshekk tajjeb.

Madankollu huwa ried li jkun hemm ċelebrazzjoni pubblika kbira, allura, peress li f’Novembru ma kienx żmien tajjeb għal dan u għall-parata, huwa ddeċieda li jgħaqqad iċ-ċelebrazzjoni uffiċjali ta’ għeluq sninu ma’ parata militari annwali li ssir fis-sajf, meta t-temp ikun aktar sabiħ.

Kif tiċċelebra għeluq sninha r-Reġina?

Ġeneralment hija tqatta’ għeluq sninha mal-familja tagħha. Fil-21 t’April ikun hemm salut ta’ 41 pistoli f’Hyde Park, salut ta’ 21 pistoli f’Windsor Great Park u salut ta’ 62 pistoli fit-Torri ta’ Londra. Dawn ġew ikkanċellati kemm is-sena l-oħra kif ukoll din is-sena minħabba l-pandemija tal-Covid-19 u din is-sena anki minħabba l-mewt tal-Prinċep Philip.

Il-parata Trooping the Colour timmarka għeluq sninha uffiċjalment u ġeneralment issir f’Ġunju, iżda din ġiet ikkanċellata wkoll din is-sena. Hija biss it-tielet darba fir-renju tagħha li l-parata ma saritx.

X’tikkonsisti l-parata Trooping the Colour?

Il-parata Trooping the Colour immarkat l-għeluq snin uffiċjali tal-monarka għal aktar minn 260 sena.

Aktar minn 1400 suldat, 200 żiemel u 400 mużiċist normalment jieħdu sehem fl-avveniment, allura jkun spettaklu kbir mhux ħażin.

Ħafna membri tal-pubbliku jxejru l-bandar u libsin Union Jacks normalment jimlew il-mall barra l-palazz Buckingham biex jarawha.

Fil-ġurnata, normalment tibda parata kbira fir-residenza uffiċjali tar-Reġina, il-palazz Buckingham, u tibqa’ sejra tul il-Mall għall-parata tal-Horse Guards f’Whitehall, viċin Downing Street, u mbagħad terġa’ lura.

Hija tradizzjoni għall-familja Rjali li tkun preżenti l-Mall bħala parti miċ-ċerimonja, u tinġabar fil-gallarija tal-palazz Buckingham biex issellem lill-pubbliku u jsegwu l-wirja mill-ajruplani RAF għall-okkażjoni.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks