Il-pandemija tal-Covid-19 affettwat lil kulħadd u kull qasam b’xi mod jew ieħor, inkluża l-industrija tal-arti. F’dawn l-aħħar jiem bosta artisti qed jesprimu t-tħassib serju tagħhom fuq il-midja soċjali dwar il-fatt li skont huma, din l-industrija mhux biss ġiet affettwata iżda mhijiex tingħata l-importanza u prijorità daqs kull industrija oħra. Dan ġej anki mill-fatt li filwaqt li qed jitnaqqsu ċerti miżuri, jidher li l-qasam tal-arti għadu ftit ‘il bogħod biex jikseb lura ftit normalità.

This Is A Call For Arts hija inizjattiva li bdiet minn Jeremy Grech, artist ta’ 24 sena, u qed titkompla minn diversi artisti li huma determinati li jservu ta’ vuċi għal din l-industrija u jagħtu s-sehem tagħhom fit-tibdil ta’ ċerta mentalità, li huma jsostnu li hija parti mill-problema.

Huma jisħqu li l-arti hija professjoni bħal kwalunkwe oħra u li għal uħud hija mezz ta’ kif jaqilgħu l-għixien tagħhom, għaldaqstant mhuwiex ġust li ma tittiħidx bis-serjetà. Diskors li qal il-Ministru José Herrera ilbieraħ qanqal ukoll diversi reazzjonijiet ta’ rabja, u ħafna sostnew li din hija prova ta’ dak li qiegħdin isemmgħu leħinhom għalih.

Għaddejja wkoll petizzjoni fejn qed jintalab pjan mill-Gvern dwar il-ftuħ mill-ġdid għall-arti performattiva. Il-petizzjoni tenfasizza dwar l-importanza tal-arti u li jrid jkun hemm pjan ta’ direzzjoni ċara għall-futur.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks