Id-dijabete Tip 2, li hija l-aktar tip ta’ dijabete komuni, hija kklassifikata bħala diżordni fis-sistema metabolika, li twassal għall-livelli ta’ zokkor għoli fid-demm. Dan jista jseħħ minħabba nuqqas ta’ produzzjoni tal-insulina, jew inkella minħabba reżistenza għall-insulina fil-ġisem.

L-insulina hija tip ta’ ormona li hija prodotta miċ-ċelloli tal-frixa, u li hija responsabbli għall-kontroll ta’ riservazzjoni tax-xaħam u z-zokkor fil-ġisem. Ir-reżistenza għall-insulina sseħħ meta tinħoloq inabilità miċ-ċelloli f’ġisimna li jużaw l-insulina b’mod adekwat. Dan ifisser li dawk iċ-ċelloli tal-frixa li jipproduċu l-insulina, isiru iżjed stimulati biex iżidu l-produzzjoni tal-insulina, u għalhekk il-livell tal-insulina fid-demm jibda jogħla bil-mod il-mod, u dan jista’ jwassal sabiex tifforma l-kundizzjoni tad-dijabete tip 2.

Il-kundizzjoni ta’ reżistenza għall-insulina, hija relatata mal-obeżità. Infatti, din il-kundizzjoni tkun preżenti f’persuna meta jkun hemm iktar minn 3 fatturi, jew iktar, preżenti minn dawn li ġejjin: livell ta’ zokkor għoli fid-demm, qis ta’ qadd ta’ iktar minn 35 pulzier fin-nisa, u ta’ iktar minn 40 pulzier fl-irgiel, pressjoni għolja fid-demm, flimkien ma’ livell għoli ta’ xaħam fid-demm.

Huwa fatt magħruf li livelli għoljin ta’ zokkor għoli fid-demm jinstabu f’ħafna nies madwar id-dinja, però dan ġieli ma jkunx għoli biżżejjed sabiex il-kundizzjoni tiġi kklassifikata bħala dijabete tip 2. Dawn il-persuni jkunu għadhom fiċ-ċans li jipprevenu din il-marda milli tiżviluppa, billi jsegwu dieta bilanċjata, jitilfu l-piż żejjed, u jagħmlu attività fiżika regolari.

Ċerti sintomi allarmanti li wieħed għandu jagħti każ li huma relatati mal-preżenza tad-dijabete tip 2 huma dawn: għatx kbir, żieda fil-produzzjoni tal-urina, għeja, vista mċajpra jew telf ta’ piż qawwi, li ma kienx mistenni.

Id-dijabete tip 2 mhux ikkontrollata, tista’ twassal għal diversi kumplikazzjonijiet, bħall-mard tas-sistema kardjovaskulari, mard tal-vista, u mard tal-kliewi, fost oħrajn. Għalhekk, huwa importanti li wieħed ikellem lit-tabib tiegħu, jekk jissuspetta li qed ibati minn din il-kundizzjoni.

Normalment, l-ewwel attentat mit-tobba sabiex jikkontrollaw id-dijabete tip 2, huwa li javżaw lill-pazjent biex jitlef il-piż żejjed, iżid l-attività fiżika, u jirregola d-dieta tiegħu billi jiekol ikel mhux ipproċessat, li huwa baxx fiz-zokkor irfinat. Jekk dan l-attentat ifalli, it-tieni pass huwa li tingħata mediċina, bħal Metformina, li tgħin biex wieħed inaqqas iz-zokkor għoli fid-demm, u anke biex wieħed jitlef il-piż żejjed. It-tielet u l-aħħar pass biex wieħed jirregola zokkor fid-demm għoli ħafna, ikun li tingħata l-insulina f’forma ta’ injezzjoni.

Huwa importanti li wieħed jittestja l-livell ta’ zokkor fid-demm regolari, u dan ma għandux ikun iktar minn 6mmol/l jekk wieħed ikun sajjem, jew inkella mhux iktar minn 11mmol/l jekk wieħed ma jkunx sajjem.

Jekk tixtieq issegwi l-blog tiegħi tista’ tagħmel dan billi tagħmel ‘like’ fuq din il-paġna ta’ Facebook: ×Be Holistically Healthy, MD× | Facebook

Jekk għandek xi mistoqsijiet li trid tistaqsi jew xi suġġett li tixtieq li nitkellmu dwaru ibgħatilna fuq info@skoperta.net

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks