Select Page

Lilha biss bqajt inħobb.
Amelia.
Għalkemm kienu għaddew ħmistax-il sena mill-aħħar li kont rajtha, kont għadni niftakar kollox fuqha.
Ir-riħa tfuħ ta’ xagħarha.
Dawk l-għajnejn kbar ileqqu.
Ħaddejn ruxxana meta konna ninħabbu.
Leħinha.
Anke l-forma ta’ subgħajha delikati u puliti kont għadni niftakar.
Għalija kienet id-dinja.
Għalkemm meta ltqajna kont għadni daqxejn ta’ ġuvni baħnan, moħħi fix-xalar u d-divertiment, malli bdejt noħroġ magħha ħassejtni ninbidel. Ħassejt li ridtha tkun marti għal dejjem.
Tiegħi. Tiegħi biss.
“Inħobbok Amelia,” kont ngħidilha kull filgħaxija qabel ninfirdu u naraha dieħla fid-daħla tar-rixtellu tad-dar il-kbira fejn kienet tgħammar flimkien mal-familja tagħha.
U hekk kif kienet tagħmel dejjem, kienet tieqaf bilwieqfa, iddur tħares lejha u f’dik il-ħemda tat-triq mudlama…………”anke jien……….” kienet tlissen.
Titbissem. U titlaq tiġri.
Perfett.
Dak il-ħin, għalija kien ikun perfett.
Ma kontx nagħti kas jekk kien ikun il-bard, ir-riħ, ix-xita…………..
Amelia kienet tħobbni.
U dak biss kien jimporta.
Dak il-Milied kont tajtha l-isbaħ rigal li qatt kienet qalgħet.
Ifhem, hi hekk kienet qaltli, waqt li bdiet iżżomm il-kaxxa żgħira f’idejha jirtogħdu, tiftaħ b’ġentilezza l-karta kkulurita li kien hemm madwarha u tħares lejn il-fossa kbira li kien hemm fuq il-wiċċ taċ-ċurkett.
Fossa bajda. Djamant.
Ma kontx għidtilha dakinhar.
Ma kontx għidtilha li biex nixtrilha dak il-ġojjell, kont ksirtha għal ftit żmien ma’ missieri għax kont begħt xi għodda li kelli fil-garaxx.
“Qalbi……………” kienet qaltli.
U peress li kienet toqgħod maġenb tagħna, kont erġajt wassaltha lejn darha bil-mixi.
“Inħobbok……….” erġajt lissint minn taħt.
“Anke jien, Jason……………” weġbitni, leħinha qisu balzmu fiż-żiffa ta’ dik il-lejla xitwija.
Imma l-affarijiet mhux dejjem imorru kif inkunu ppjanajnihom.
Fil-ħajja, tippjana mod u ġieli jiġri l-oppost.

Ir-rakkont ikompli l-ġimgħa d-dieħla…

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks