Select Page

Aktar kmieni llum fuq il-pjattaformi diġitali ta’ Festivals Malta, ġie mniedi l-vidjow mużikali tal-kanzunetta rebbieħa ta’ Mużika Mużika – Ħarsa Biss li ġiet interpretata minn Glen Vella, fuq kompożizzjoni ta’ Philip Vella u lirika ta’ Joe Julian Farrugia.

Ħarsa Biss hija l-kanzunetta rebbieħa tal-ewwel edizzjoni tal-festival Mużika Mużika.

Il-vidjow mużikali, ġie miġbud fil-Forti Sant’Anġlu l-Birgu, b’teknika partikolari li jsejħula one-shot, li bħalha ma tantx rajna fi proġetti awdjoviżivi Maltin.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta, Annabelle Stivala saħqet li, “wara s-suċċess ta’ Mużika Mużika Festivals Malta mill-ewwel beda jipprepara għall-vidjow mużikali tal-kanzunetta rebbieħa, vidjow li huwa ta’ livell għoli ħafna, l-istess livell li kellu l-festival u li fih ħafna effetti speċjali.”

Il-vidjow involva diversi sigħat ta’ provi sabiex it-tim seta jipprefezzjona l-koordinament ta’ tibdil fix-xenografija filwaqt li kienu qed jiġu miġbuda x-xeni differenti li jinkludu diversi tibdiliet ta’ kostumi, props, dawl u effetti speċjali. “Indunajna li hija biċċa xogħol kumplessa, imma xejn ma qatalna qalbna, involvejna ħafna nies u kulħadd ried jaħdem f’daqqa għaliex dan il-vidjow sar f’shot waħda,” spjega d-Direttur Artistiku tal-vidjow Joseph Cauchi.

“Il-vidjow mużikali huwa investiment li l-bord ta’ Mużika Mużika ħass li kellu jagħmel biex jagħti aċċent fuq il-kanzunetta rebbieħa u fuq il-festival inġenerali. Investiment li ‘l quddiem beħsiebna nibqgħu nagħmlu għall-kanzunetti rebbieħa,” qal iċ-Chairman ta’ Mużika Mużika Raymond Bugeja.

Norman Hamilton, iċ-Chairman ta’ Festivals Malta saħaq li permezz ta’ Mużika Mużika, Festivals Malta investa fl-artist lokali u kif ukoll fil-patrimonju mużikali Malti. “Permezz ta’ dal-vidjow mużikali Ħarsa Biss ser tkompli tgħix. Dan il-vidjow mużikali huwa parti mil-legat kbir li se jħalli warajħ dan il-festival prestiġjuż.”

Ritratt: Paul Camilleri

skoperta.net tkellem ma’ Glen dwar il-vidjow mużikali u l-impenji li rrikjeda.

X’inhu l-kunċett tal-vidjow mużikali, u minn xiex ġie ispirat?

Il-kunċett tal-vidjow mużikali huwa dak ta’ one-shot vidjow li tfisser ġie miġbud f’darba waħda mill-ewwel sal-aħħar xena bla waqfien. Ovvjament jekk isiru xi żbalji ridna nerġgħu nibdew mill-bidu – sfida kbira għal kulħadd speċjalment għat-tim tal-produzzjoni u għall-krew tekniku minħabba li qattajna ħafna sigħat twal. Il-vidjow ġie spirat mill-lirika tal-kanzunetta nnifisha li titratta r-relazzjoni intima ta’ koppja.

Kif kien il-proċess tal-produzzjoni?

Meta ġie identifikat il-kunċett beda jsir scouting għall-post adattat fejn seta’ jinġibed il-vidjow. Il-lokazzjoni riedet takkomoda diversi ħtiġijiet, bħal spazju, aperturi u elementi oħra li kienu meħtieġa għall-produzzjoni. Hekk kif ġie identifikat Egmont Hall fil-Forti Sant Anġlu tal-Birgu bħala lokazzjoni, it-tim kollu poġġa bilqiegħda u beda jfassal ix-xeni differenti, wara sar id-disinn tas-set mid-disinjatur bravu Romualdo Moretti. Imbagħad it-tim tal-produzzjoni mar fuq il-post biex jirfina x-xeni u jippjana l-movimenti tal-atturi, tal-props u tal-krew tekniku u ġie ppjanat ukoll fejn kellu jiġi armat id-dawl u f’liema mumenti ried jinbidel waqt ix-xeni differenti. Ġew allokati numru sostanzjali ta’ sigħat sabiex it-tim kollu seta jipprattika l-movimenti meħtieġa sabiex il-koordinazzjoni ta’ bejn il-membri differenti tat-tim laħqet livell abbastanza perfett. Biex id-dawl ikun ikkontrollat il-vidjow inġibed matul il-lejl, li ħa madwar disa’ sigħat ta’ provi u għaxar sigħat oħra biex inġibed.

Ritratt: Paul Camilleri

Kien hemm xi sfida partikolari waqt il-ġbid?

It-teknika li biha nġibed il-vidjow (one-shot) ġabet ħafna sfidi magħha, l-ikbar waħda kienet ċertament il-koordinazzjoni bejn l-atturi, il-krew tekniku u l-krew tal-produzzjoni li riedu jaħdmu b’sinkronizzazzjoni perfetta sabiex jittieħed il-filmat. Dan seta’ jsir biss wara ħafna sigħat ta’ provi u wara li nġibed diversi drabi. Sfida oħra kienet id-dawl, li ried jiġi ssettjat u programmat minn qabel mal-mużika u mal-moviment tal-kamera.

Ġrat xi praspura jew xi ħaġa partikolari waqt il-ġbid?

 Praspar ġraw kemm trid, min idaħħal rasu f’xi shot biex joħroġ il-props, jew jien nitgħaqqad f’xi quick change milli kont qed nagħmel, xi lampa li ma tilħaqx toħroġ jew tixgħel fil-ħin, eċċ. Probabbli l-iktar praspura frustranti kienet marbuta mal-fann li ried jintuża fl-aħħar nett biex fl-aħħar biċċa tal-vidjow il-coat tiegħi jidher itir, u kull darba li bdew joħorġu bih beda jintfielhom. Nassigurak li kulħadd ried jieklu dak il-fann hehe.

Ritratt: Paul Camilleri

X’inhu l-messaġġ li tixtieq li jitwassal permezz ta’ dan il-vidjow?

Dan il-vidjow jirrifletti ħafna l-lirika u l-mużika ta’ din il-kanzunetta b’mod artistiku, li jħalli anke lok għall-interpretazzjoni tal-individwu li qed jarah skond l-esperjenzi personali tiegħu.

Kif qiegħda fil-klassifiki bħalissa l-kanzunetta Ħarsa Biss?

Mat-tnedija tagħha l-kanzunetta Ħarsa Biss kienet fil-quċċata tal-klassifika Maltija, saħansitra għamlet ġimgħatejn sħaħ fl-ewwel post. Bi pjaċir ngħid li sal-lum, xahrejn wara d-debutt tagħha waqt Mużika Mużika, għadha mal-ewwel għaxra ta’ Malta.

Ritratt: Paul Camilleri

X’messaġġ tgħaddi lill-poplu Malti u Għawdxi?

L-ewwel nett nirringrazzja lill-poplu Malti u Għawdxi għas-sapport li dejjem urewni u bla dubju nkompli nħeġġiġhom biex ikomplu jissapportjaw ix-xena mużikali Maltija għaliex jagħtuna kuraġġ lilna l-artisti sabiex inkomplu ninvestu u nkomplu nippromwovu l-lingwa Maltija permezz tal-mużika.

X’inhu l-pass li jmiss għalik?

Fl-immedjat il-pjanijiet tiegħi jduru madwar il-promozzjoni tal-kanzunetta Ħarsa Biss u tal-vidjow mużikali flimkien ma’ Festivals Malta. Bħalissa qiegħed ukoll naħdem fuq diversi proġetti mużikali ġodda li se jkunu qed joħorġu aktar tard matul is-sena, filwaqt li nistenna b’ħerqa kbira l-edizzjoni li jmiss ta’ Mużika Mużika.

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks