Oriġinarjament, William Shakespeare twieled fit-23 t’April tal-1564. Dan ġie magħruf għaliex hemm prova dokumentarja li Shakespeare tgħammed fis-26 t’April tal-1564, u l-istudjużi jemmnu li, b’konfirmità mat-tradizzjonijiet ta’ dak iż-żmien, huwa tgħammed meta kellu tlett ijiem, u allura probabbilment twieled fit-23 t’April. Madanakollu, billi Shakespeare twieled taħt il-kalendarju Ġiljan l-antik, dak li kien it-23 t’April fil-ħajja ta’ Shakespeare fil-fatt ikun it-3 ta’ Mejju skont il-kalendarju Gregorjan tal-lum.

William Shakespeare, spiss imsejjaħ bħala l-poeta nazzjonali tal-Ingilterra, huwa meqjus bħala l-akbar drammaturist ta’ kull żmien fid-dinja kollha. Ix-xogħlijiet tiegħu huma maħbuba mad-dinja kollha, iżda l-ħajja personali tiegħu hija ftit jew wisq misterjuża.

Min kien William Shakespeare?

William Shakespeare kien poeta, drammaturgu u attur Ingliż tal-era tar-Rinaxximent. Huwa kien membru importanti tal-kumpanija teatrali King’s Men, bejn wieħed ieħor mill-1584 ‘il quddiem.

Magħrufa mad-dinja kollha, il-kitbiet ta’ Shakespeare jolqtu kull tip ta’ emozzjoni u kunflitt uman, u ilhom jiġu ċċelebrati għal aktar minn 400 sena. Madanakollu, il-ħajja personali tiegħu hija kemmxejn misteru.

Hemm żewġ sorsi primarji li jipprovdu lill-istoriċi deskrizzjoni ta’ ħajtu. Wieħed huwa x-xogħol tiegħu – id-drammi, il-poeżiji u s-sonetti, u l-ieħor huwa d-dokumentazzjoni uffiċjali bhar-rekords tal-Knisja u tal-qorti. Madanakollu, dawn jipprovdu biss ftit informazzjoni dwar avvenimenti speċifiċi f’ħajtu u jagħtu ftit għarfien dwar ir-raġel innifsu.

Shakespeare kien it-tielet tifel ta’ John Shakespeare, negozjant, u Mary Arden. Huwa kellu żewġt aħwa ikbar, Joan u Judith, u tliet aħwa iżgħar, Gilbert, Richard u Edmund.

Qabel twieled Shakespeare, missieru sar negozjant ta’ suċċess u kellu pożizzjonijiet uffiċjali bħala skrivan u marixall, u anki rwol li jixbaħ lil dak ta’ sindku. Madanakollu, ir-rekords jindikaw li dan is-suċċess naqas f’xi żmien mill-1570 ‘il quddiem.

Jeżistu ftit rekords dwar it-tfulija ta’ Shakespeare u prattikament l-ebda wieħed rigward l-edukazzjoni tiegħu. L-istudjużi jaħsbu li aktarx huwa kien jattendi King’s New School, fi Stratford, li kienet tgħallem il-qari, il-kitba u l-klassiċi.

Shakespeare żżewweġ lil Anne Hathaway fit-28 ta’ Novembru, 1582, f’Worcester, fil-Provinċja ta’ Canterbury. Shakespeare kellu 18-il sena filwaqt li hi kellha 26-il sena. Huma semmew l-ewwel wild tagħhom Susanna, li twieldet fis-26 ta’ Mejju tal-1583. Sentejn wara twieldu t-tewmin Hamnet u Judith. Aktar tard, Hamnet miet b’kawżi mhux magħrufa fl-età ta’ 11-il sena.

Hemm seba’ snin tal-ħajja ta’ Shakespeare fejn ma jeżistux rekords wara t-twelid tat-tewmin tiegħu fl-1585. L-istudjużi jsejħu dan il-perjodu bħala “is-snin mitlufa”, u hemm spekulazzjoni wiesgħa dwar dak li kien qed jagħmel matul dan il-perjodu.

Ġeneralment huwa maħsub li wasal Londra f’nofs sa l-aħħar tas-snin 1580 u jista’ jkun li seta’ sab xogħol bħala akkompanjatur taż-żwiemel f’xi wħud mill-ifjen teatri ta’ Londra, xenarju aġġornat sekli wara minn ħafna atturi aspiranti u drammaturgi f’Hollywood u Broadway.

Sal-bidu tal-1590, dokumenti juru li Shakespeare kien sieħeb maniġerjali fil-Lord Chamberlain’s Men, kumpanija tar-reċtar f’Londra li magħha kien marbut għal ħafna mill-karriera tiegħu. Meqjusa bħala l-iktar troupe importanti ta’ żmienha, il-kumpanija biddlet isimha għal King’s Men wara l-inkurunazzjoni tar-Re James I fl-1603. Din il-kumpanija kienet popolari ħafna. Ir-rekords juru li Shakespeare kellu xogħlijiet ippubblikati u mibjugħa bħala letteratura popolari.

Għalkemm il-kultura teatrali fl-Ingilterra tas-seklu 16 ma kinitx ammirata ħafna minn nies ta’ grad għoli, uħud min-nobbli kienu patruni tajbin tal-arti tal-ispettaklu u ħbieb tal-atturi.

Sal-1592, hemm evidenza li Shakespeare qala’ l-għixien tiegħu bħala attur u drammaturgu f’Londra u possibbilment ipproduċa diversi drammi.

Fil-bidu tal-karriera tiegħu, Shakespeare kien kapaċi jiġbed l-attenzjoni ta’ Henry Wriothesley, il-Konti ta’ Southampton, li lilu ddedika l-ewwel u t-tieni poeżiji ppubblikati tiegħu: Venere and Adonis (1593) u The Rape of Lucrece (1594).

Sal-1597, Shakespear kien diġà kiteb u ppubblika 15 mis-37 dramm tiegħu. Ir-rekords ċivili juru li f’dan iż-żmien huwa xtara t-tieni l-akbar dar fi Stratford, imsejħa New House, għall-familja tiegħu.

Kienet rikba ta’ erbat ijiem biż-żiemel minn Stratford għal Londra, allura huwa maħsub li Shakespeare qatta’ ħafna mill-ħin tiegħu fil-belt jikteb u jirreċta u jmur lura d-dar darba fis-sena matul il-perjodu tal-40 jum tar-Randan, meta t-teatri kienu jkunu magħluqa.

Sal-1599, Shakespeare u l-imsieħba fin-negozju tiegħu bnew it-teatru tagħhom fuq South Bank ta’ Thames River, li huma semmew bħala Globe Theatre.

Fl-1605, Shakespeare xtara kirjiet ta’ propjetà qrib Stratford għal 440 lira, li rduppjat fil-valur u qala’ 60 lira fis-sena. Dan għamlu intraprenditur kif ukoll artist, u l-istudjużi jemmnu li dawn l-investimenti tawh il-ħin biex jikteb id-drammi tiegħu mingħajr interruzjoni.

Id-drammi bikrin ta’ Shakespeare inkitbu fl-istil konvenzjonali tal-ġurnata, b’metafori elaborati u frażijiet retoriċi li mhux dejjem li mhux dejjem qagħad b’mod naturali mal-komplott jew il-karattri tal-istorja.

Madanakollu, Shakespeare kien innovattiv ħafna, u adatta l-istil tradizzjonali għall-kitbiet tiegħu u ħoloq firxa aktar wiesgħa ta’ kliem.

Bi gradi żgħar biss ta’ varjazzjoni, Shakespeare primarjament kien juża mudell metriku li jikkonsisti f’linji ta’ iambic pentameter mhux rimat, jew vers vojt, biex jikkomponu d-drammi tiegħu. Fl-istess ħin hemm siltiet fid-drammi kollha li jiddevjaw minn dan u jintużaw forom ta’ poeżija jew proża sempliċi.

Filwaqt li huwa diffiċli li tiddetermina l-kronoloġija eżattament tad-drammi ta’ Shakespeare, matul l-għoxrin sena, minn madwar l-1590 sa l-1613, huwa kiteb total ta’ 37 dramm li jduru madwar bosta temi ewlenin: storiċi, traġedji, kummiedji u traġikomedji.

Bl-eċċezzjoni tal-istorja traġika ta’ mħabba Romeo and Juliet, l-ewwel drammi ta’ Shakespeare kienu fil-biċċa l-kbira storiċi . Henry VI (Partijiet I, II u III), Richard II u Henry V jiddramatizzaw ir-riżultati qerrieda ta’ mexxejja dgħajfa jew korrotti u ġew interpretati mill-istoriċi tad-drama bħala l-mod ta’ Shakespeare li jiġġustifika l-oriġini tat-Tudor Dynasty.

Shakespeare kiteb ukoll bosta kummiedji matul il-perjodu bikri tiegħu: A Midsummer Night’s Dream, Merchant of Venice, Much Ado About Nothing, As You Like It u Twelfth Night.

Drammi oħra miktuba qabel l-1600 jinkludu Titus Andronicus, The Comedy of Errors, The Two Gentlemen of Verona, The Taming of the Shrew, Love’s Labour’s Lost, King John, The Merry Wives of Windsor u Henry V.

Kien aktar tard, wara l-1600, li Shakespeare kiteb it-traġedji Hamlet, Othello, King Lear u Macbeth. F’dawn, il-karattri ta’ Shakespeare jippreżentaw impressjonijiet ħajjin ta’ temperament uman li huma adattati għal kull żmien u universali.

Possibilment l-iktar magħruf minn dawn id-drammi huwa Hamlet, li jesplora tradiment, tpattija, inċest u falliment morali. Dawn ħafna drabi jmexxu t-twists tal-komplotti ta’ Shakespeare, u jeqirdu l-eroj u dawk li jħobb.

Fl-aħħar perjodu tiegħu Shakespeare kiteb diversi traġikomedji. Fost dawn hemm Cymbeline, The Winter’s Tale u The Tempest. Għalkemm jitrattaw aktar l-aspett traġiku minn komiku, mhumiex traġedji intensivi daqs ta’ King Lear jew Macbeth għaliex jispiċċaw bir-rikonċiljazzjoni u l-maħfra.

Drammi oħra miktuba matul dan il-perjodu jinkludu All’s Well That Ends Well, Measure for Measure, Timon of Athens, Coriolanus, Pericles u Henry VIII.

Meta miet Shakespear?

Jingħad li Shakespeare miet f’għeluq it-52 tiegħu, fit-23 t’April, 1616, iżda xi studjużi jemmnu li din hija ħrafa. Ir-rekords tal-knisja juru li kien midfun fil-Knisja tat-Trinità fil-25 t’April, 1616.

Il-kawża eżatta tal-mewt tiegħu mhix magħrufa, għalkemm ħafna jemmnu li marda kkawżatlu l-mewt tiegħu fi żmien qasir.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks