Select Page

Ftit tal-jiem ilu, fuq il-paġna ta’ Facebook tal-iskola tar-reċtar, Mixta Drama, ħareġ il-film L-Aħħar Nifs, miktub minn Bryan Muscat u dirett minn Clayton Pace u Bryan Muscat.

skoperta.net għamel kuntatt ma’ Bryan biex jiskopri aktar dwar dan il-film u kif wara kollox ġiet l-idea għall-produzzjoni bħal din..

Dan hu dak li qalilna Bryan…

“L-idea ta’ dan il-film qasir L-Aħħar Nifs ġiet għax Clayton Pace staqsini jekk inkunx interessat nikteb u nidderiġi film qasir, fejn inkunu nistgħu nużaw studenti ta’ Mixta Drama bħala cast. Aċċettajt mill-ewwel, għaliex ilni ma’ nikteb storja qasira, u fl-istess ħin l-avventura u l-esperjenza li naħdem ma’ atturi ġodda ukoll. Clayton kien qalli li jrid ikun hemm taħlita ta’ atturi, ftit stabbiliti u ftit mill-istudenti.

L-idea tal-istorja ġiet minn ħsieb. Xtaqt nikteb xi ħaġa sempliċi, imma li jkollha messaġġ ħafif u li jkollha ftit emozzjonijiet, fejn l-udjenza tista’ tidentifika mas-sitwazzjoni. Xtaqt nuri l-importanza tal-ħajja, kemm nieħdu l-affarijiet for granted, u li meta nkunu viċin iċ-ċiklu tagħna, ikollna ċ-ċans li nħarsu lejn dawk il-memorji li jitfgħu tbissima fuq wiċċna.

Xtaqt ukoll nuri kif jista’ jħossu persuna meta jkun vera wasal fl-aħħar, fejn jista’ jkun qed jaqta’ qalbu, imma fl-istess ħin jipprova jidher sod quddiem it-tfal. Xtaqt nesplora dik ix-xeħta ta’ indifferenza li jista’ jkollhom it-tfal li draw is-sitwazzjoni, li però tinbidel f’isteriżmu meta l-ħaġa finalment tiġri.

Dik kienet l-idea kollha, fejn ħloqt din is-sitwazzjoni fejn il-missier ta’ familja, jgħix l-aħħar ftit ħinijiet ta’ ħajtu. Meta ġejna biex nagħżlu l-cast, xtaqt naħdem ma’ waħda mill-ewwel studenti li kelli tad-drama, Rachel Micallef, li ovvjament illum hija attriċi stabbilita… u brava ħafna… imma ilha brava snin twal!

Kienet esperjenza sabiħa ħafna naħdem mal-atturi żgħażagħ u tfal… talenti ġodda u b’potenzjal kbir.”

Tista’ ssegwi l-film sħiħ permezz tal-filmat t’hawn taħt:

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks