Qabel xejn nixtieq nibda billi niċċara li jien m’għandi l-ebda kwalifiki fil-psikoloġija, iżda huwa suġġett li minn dejjem kien jinteressani u minbarra li nagħmel riċerka dwaru regolarment biex dejjem nitgħallem aktar, ħafna minn dak li naf, tgħallimtu mill-“università tal-ħajja” nħobb ngħid jien, għaliex minkejja li l-edukazzjoni akkademika hija importanti ħafna u neċessarja, m’hemm xejn li jista’ jgħallmek aħjar mill-esperjenzi u s-sitwazzjonijiet tal-ħajja.
Għaldaqstant inħoss li għandi naqsam dak li naf, u r-riflessjonijiet tiegħi magħkom is-segwaċi ta’ skoperta.net.
Bħal kull ġurnata li tirrapreżenta sinjifikat partikolari, iġġib magħha emozzjonijiet differenti għal kulħadd u mhux kulħadd jista’, jew iħossu li jista’ jiċċelebra l-ġurnata.
Għal ħafna din hija ġurnata bħall-oħrajn, hija biss ġurnata minn dawk fejn il-materjaliżmu jirrenja, għaliex jemmnu li wieħed għandu juri l-imħabba u r-rispett matul is-sena kollha. Fil-fatt hekk hu, imma mbagħad hemm ħafna oħrajn li minkejja li wkoll jemmnu dan tal-aħħar, xorta jfittxu li jiċċelebraw din il-ġurnata u dak kollu relatat magħha.
Hemm ukoll ħafna oħrajn li din il-ġurnata tqanqlilhom emozzjonijiet negattivi, jistgħu wkoll iħossu li ma jafux kif se jirnexxilhom ikampaw f’din il-ġurnata.
L-ewwel u qabel kollox, minkejja li l-aspett bioloġiku għandu s-sinjifikat importanti tiegħu, madanakollu huma l-imħabba u l-imġiba li jiffurmaw u jirrapreżentaw verament l-irwol tal-persuna.
Għaldaqstant dik il-persuna li f’qalbha għandha mħabba ġenwina u bla kundizzjoni lejn kwalunkwe persuna oħra, lejn it-tfal tal-partner tagħha, lejn it-tfal adottivi tagħha, lejn it-tfal li għal xi raġuni jew oħra qed tieħu ħsieb, u iva, lejn l-annimali tagħha. Hemm ukoll dak il-missier li minbarra li għandu r-rwol ta’ missier, jieħu wkoll ir-rwol tal-omm.
Dawk kollha li b’xi mod jew ieħor jgħixu r-rwol ta’ omm, jixraqilhom li jiġu ċċelebrati mhux biss f’ġurnata partikolari imma kuljum.
Lil hinn minn hekk, insibu dawk il-persuni li ħafna drabi fis-skiet, din il-ġurnata hija sfida diffiċli ħafna għalihom..
Dawk il-persuni li tilfu lil ommhom, riċentament jew snin ilu.. Għaliex le, iż-żmien ma jtaffix l-uġigħ, biż-żmien tissaħħaħ u titgħallem tgħix bl-uġigħ.
Dawk il-persuni li tilfu wild, riċentament jew snin ilu.
Dawk il-persuni li qed jiffaċċjaw problemi u sfidi ta’ infertilità.
Dawk il-persuni li jixtiequ jsiru ommijiet bioloġiċi u għal xi raġunijiet ma jistgħux.
Dawk il-persuni li għal xi raġunijiet m’għandhomx kuntatt m’ommhom jew mat-tfal tagħhom, jew inkella jinsabu xi mkien fejn ma jistgħux iqattgħu l-ħin magħhom.
Dawk il-persuni li għadhom kemm irċevew aħbar li ommhom jew it-tfal tagħhom għandhom marda terminali.
Dawk il-persuni li ommhom m’għadhiex tagħrafhom.
Dawk il-persuni li ġew abbandunati jew abbużati minn ommhom jew mit-tfal tagħhom.
U ħafna oħrajn.
Bħal ma dejjem ngħid, f’ċirkostanzi bħal dawn l-ebda kelma ma tista’ tbiddel is-sitwazzjoni għall-aħjar għal dawn il-persuni, però…
Jekk int wieħed jew waħda minn dawn il-persuni, jekk tfittex sew ġewwa fik, issib is-saħħa biex jirnexxilek tkampa, mhux f’din il-ġurnata biss imma matul il-kumplament tal-ġranet kollha.
Jekk din il-ġurnata qed taraha bħala waħda minn dawk li tkun tixtieq tagħlaq għajnejk u tgħaddi, emmen li se tgħaddi wkoll.
Fittex li tqatta’ l-ġurnata billi..
Forsi tieħu ħsieb lilek innifsek aktar mis-soltu.
Tagħmel dak kollu li taħseb li se jgħin biex din il-ġurnata tkun, anki jekk ftit, inqas diffiċli.
Tipprova tiftakar f’memorji sbieħ.
Tipprova tiftakar fl-imħabba li tirċievi u li tagħti int stess.
Ħalli lilek innifsek tħoss dak kollu li qed tħoss mingħajr ma tipprova żżomm lura.
Li tibki xi bikja tajba, hija ħafna drabi bżonnjuża wkoll.
Tesprimi l-ħsibijiet u dak li qed tħoss permezz tal-kitba jew b’xi mod ieħor li tħoss li tista’ tesprimi ruħek.
Tmur mixja waħdek, jew ma’ xi kumpanija, fil-kampanja jew inkella ħdejn il-baħar.
Jekk hija sitwazzjoni li hemm possibilitajiet ta’ soluzzjonijiet għall-aħjar, aħseb fuqhom u x’tista’ tagħmel biex twettaqhom.
Fittex kumpanija ta’ persuni li tkun komda magħhom, li jitrasmettu enerġija pożittiva u ta’ mħabba, u li forsi anki tista’ titkellem magħhom dwar dak li qed tħoss għax taf li se jifhmuk.
Min-naħa l-oħra, jekk int għandek persuna f’ħajtek li taf li għaliha din hija ġurnata diffiċli aktar minn oħrajn, kun ċert li, bħal m’għandek tagħmel matul is-sena kollha, imma forsi xi ftit aktar minħabba l-fatt li tkun aktar diffiċli, tfakkar lill-persuna li int tinsab dejjem hemm għaliha. Li tfakkar lill-persuna kemm tfisser għalik, li lest li tisma’ dak li għandha xi tgħid, li mhijiex waħedha, kemm tħobbha u li tista’ taqsam dak li qed tħoss miegħek.
Ħafna kliem xi drabi jkun kollu żejjed, imma messaġġ anki b’kelma waħda, telefonata, jew ġest żgħir imma mill-qalb jistgħu jagħmlu differenza kbira.
Niddejjaq nispeċifika, għaliex fl-emozzjonijiet m’għandux ikun hemm speċifikazzjoni jekk intix raġel jew mara, iżda sfortunatament hemm tendenza li ħafna jaħsbu li l-irġiel ma jħossux bħal ma tħoss mara, jew saħansitra l-irġiel stess jaħsbu li ma jistgħux jesprimu l-emozzjonijiet tagħhom minħabba ċerta mentalità li teżisti fost is-soċjetà, u fl-opinjoni tiegħi din hija teorija żbaljata…
Allura, qed infakkrek, li jekk int raġel, u din il-ġurnata hija diffiċli għalik, dan kollu li għidt jgħodd għalik ukoll.
Importanti li dejjem inżommu f’moħħna li l-fatt li jkollna mumenti u sfidi diffiċli, il-fatt li jkollna ġranet u perjodu fejn inħossuna dgħajfa u vulnerabbli, mhux għax verament inkunu dgħajfa, iżda għax aħna umani.
Xi mkien ġewwa fik se ssib dejjem dik is-saħħa biex tikkumbatti jekk tfittex sew, u jekk xi drabi tħoss li għandek bżonn l-għajnuna, fittixha, għaliex dik hija parti mis-saħħa ġewwiena tiegħek.

Direttriċi u Editriċi