Meta saru jafu bir-relazzjoni tagħna, il-ġenituri tagħha xejn ma kienu ħadu pjaċir.
“Inħobbok, Amelia………..” għidtilha dakinhar, eżatt malli erġajna wasalna quddiem ir-rixtellu.
U dakinhar, fetħitu b’idejha tirtogħod, għamlet pass ‘il ġewwa u waqfet għal ftit mingħajr ma kellmitni.
Kont indunajt li dik il-lejla, Amelia ma kinitx bħas-soltu. Is-soltu konna nidħqu. Niċċajtaw flimkien. Tħabbilli xagħri iswed, innukklat u folt.
Iżda dakinhar kont innutajt li Amelia kienet differenti. Kwieta wisq.
“Se jkolli nitlaq,” qaltli dak il-ħin, mingħajr ma daret tħares lejja.
Kieku għaddiet karozza riħ, laqtitni u sabtitni mal-faċċata tad-dar opposta ma kontx inħoss l-istess uġigħ li kont ħassejt dak il-ħin.
“X’inti tgħid, Amelia?”
Għal mument xtaqt li kont smajt ħażin.
“Ommi u missieri bagħtuni kulleġġ barra minn Malta.”
Ħassejt nifsi jinqata’.
U Amelia baqgħet ma daritx tħares lejha. Kont naf li kienet qiegħda tibki. Smajt leħinha miksur, rajt saqajha jirtogħdu. U dak il-ħin, rajt il-fossa taċ-ċurkett li kont xtrajtilha jien ileqq mad-dawl oranġjo tat-triq.
“Meta? U meta tiġi lura?”
“Ħames snin tal-inqas…………….”
“Niġi miegħek…………niġi narak, noqgħod hemm. Niġi. Toqgħodx tinkwieta……………”
“Jason,” qaltli bilkemm tinstema’. “Se jkollna nieqfu. Daqshekk.”
U dak il-ħin, ħassejt l-art tiblagħni u tkaxkarni fl-abbissi fittizji ta’ moħħi.
“X’inti tgħid? Għax qed tgħidli hekk?” staqsejtha b’għoqla fi griżmejja.
“Għax ma jridunix miegħek. Se jibgħatuni minħabba fik,” qaltli.
“Imma inti xorta waħda………………..jien inħobbok………” għidtilha, inħoss il-kesħa f’ġismi kollu, hekk f’salt wieħed.
“Ma nistax nibqa’ miegħek, Jason!” qaltli.
U dak il-ħin daret tħares lejja.
Inħsadt.
Wiċċha kien jidher deċiż.
Kienet iddeċidiet li titlaqni!
“Amelia……………”
“Nibqa’ nħobbok, Jason. Imma bejnietna spiċċa kollox. Tittamax fija………………”
“Nibqa’ nistennik! Naħliflek!” għidtilha u tant kemm għafast snieni ma’ xulxin li ħassejt il-ħanek juġgħani.
“Għix ħajtek. Mingħajri.”

Ir-rakkont ikompli l-ġimgħa d-dieħla…

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks