Select Page

Stenna Li Mhux Tistenna, huwa t-titlu tal-kanzunetta oriġinali li l-grupp Kapitlu Tlettax f’kollaborazzjoni ma’ Janice Mangion, nedew proprju ftit tal-ħin ilu fuq il-mezzi tal-midja soċjali tagħhom. Din il-kanzunetta li għandha lirika ta’ Joseph Calleja u mużika ta’ Dwardu Ravelle, hija dedikazzjoni liż-żagħżugħ Ramiro Mallia li tilef ħajtu f’inċident mill-aktar traġiku, Marzu li għadda.

“Kien hemm il-ħsieb li naħdem fuq kanzunetta li titkellem dwar il-ġid li jagħmlu nies bħal Ramiro, iżda imbagħad kellmuni ħutu li xtaqu li nagħmlu xi ħaġa aktar speċifika b’dedikazzjoni għalih u kif tista’ tgħid le, meta għandek iċ-ċans tikteb dwar anġlu, persuna li tħares lejn l-interessi ta’ ħaddieħor qabel tagħha”, jgħid Joseph, l-awtur u l-protagonist ewlieni tal-grupp Kapitlu Tlettax dwar il-kanzunetta.

Apparti l-grupp Kapitlu Tlettax li huwa kompost minn Joseph Calleja, Dwardu Ravelle, Maria Cini u Digby, ġiet magħżula l-kantanta Janice Mangion biex tikkollabbora fuq dan il-proġett u dwar din l-għażla, Joseph jgħid li kien “ilni nsegwiha ftit mhux ħażin, għaliex apparti li hija artista brava u kapaċi għall-aħħar, kellna bżonn tip ta’ vuċi partikolari, waħda li tispikka għal ma’ din il-lirika.”

Min-naħa tagħha, Janice Mangion, il-kantawtriċi magħrufa għad-diversi kanzunetti oriġinali bil-Malti, riċentament ukoll finalista f’Mużika Mużika qalet li mill-ewwel aċċettat biex tkun parti minn dan il-proġett, “nemmen li Kapitlu Tlettax għandhom ħafna x’joffru lill-industrija tal-mużika lokali, u apparti minn hekk nemmen li l-messaġġ wara Stenna Li Mhux Tistenna huwa wieħed inkreddibli. Ramiro kien persuna unika ta’ vera, u l-memorja tiegħu tajjeb li nżommuha ħajja.”

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks