Ara ma tgħidx, “Tmutlix għalissa!”
Oħti Carmen ilha mejta kważi 40 sena – u għadni nsib minn jistaqsini, “Imma x’kellha, għid?”, bħallikieku r-risposta tiegħi se tagħmlilhom xi differenza f’ħajjithom.
Niftakar darba kont nieżla d-dar, u waqqfitni waħda mara li għadni sal-lum ma nafx min hi. Staqsietni, “Oħtok orrajt?” u jien inħsadt. Għidtillha l-verità, jiġifieri, li kienet id-dar tistrieħ. “Ara, jaħasra. Kemm qed nieħu gost li qed tgħidli hekk. Kienu qed jgħidu li kważi mietet.”
Issummajt. Anqas flaħt inweġibha. Kif dort il-kantuniera, irremettejt.
Kull meta nsemmi dan l-inċident, insib li huwa simili ta’ xi ħaġa li tkun ġrat lil ħafna oħrajn; kemm jekk ikollhom marda terminali huma, u kif ukoll jekk ikun xi ħadd mill-maħbubin tagħhom li jkun marid.
Għaldaqstant ħsibt li din il-mistoqsija sfiqa, almenu, ma tkunx saret għalxejn.
Ikkuntattjajt xi ħbieb tiegħi u tlabthom il-fehma tagħhom. Flimkien tellajna lista li l-konklużjoni tagħha hi: “Jekk iżżomm ħalqek magħluq, x’aktarx li taqta’ figura isbaħ.”
- Jekk tara li xi ħadd ħxien jew irqaq f’daqqa, la tgħaddix kummenti. U la tistaqsiha jekk hux tqila, u anqas jekk hux qed tagħmel id-dieta. Hawn mard, u mediċini, li jaffettwaw il-piż ta’ dak li jkun.
- L-istess jekk tinduna li xi ħadd qed jaqagħlu xagħru, jew li għandu l-kulur tal-ġilda mhux bħal tas-soltu. Billi tagħmel il-ħajja diffiċli għal ħaddiehor, mhux se tidher helwa, tafx.
- Tippruvax issemmi l-marda ta’ dik u l-kundizzjoni tal-oħra, biex forsi dak li jkun jiftaħ qalbu miegħek. Dawn vavati. U bilħaqq – tkunx banali u tgħid xi ċajta biex mingħalik “tnessi” li dak li jkun, ladarba jiftaħ qalbu miegħek.
- Jekk xi ħadd jgħidlek li marid sew, tgħidlux, “U iva, daż-żmien ta’ kollox isibu tarf ta,” qisek trid tgħatti x-xemx bl-għarbiel. Biżżejjed toffri li jekk ikun hemm bżonn xi għajnuna, int lest li toffriha, u li tgħid li jiddispjaċik. Ara ma tgħidx, “Tmutlix għalissa!”
- Anqas, biex tipprova tnissel tbissima fuq wiċċ il-marid, m’għandek tgħid, “U iva, mhux kulħadd irid imut?” Anzi, kultant m’hemmx bżonn kliem. Tgħanniqa tkun biżżejjed.
- Anqas titwemmen imma jkun hawn min jistaqsi, “Qalulek kemm baqagħlek ħajja?” Il-mewt, tafux, mhux b’marda terminali biss tiġi. Ħadd, u ħadd, nerġa’ ngħid, ma jaf bl-eżatt kemm baqagħlu ħajja.
- “Issa ngħid lil kulħadd jitlob għalik,” tfisser li se tgħid lil kulħadd li din il-persuna hi marida. U din forsi ma tridx turi, u int ha tikxfilha xturha?
- M’għandekx għalfejn issemmi lil kull min taf li kellu l-istess marda, iżjed u iżjed jekk mietu żgħar. U jekk il-marda tkun kanċer, tistaqsix fejn qiegħed.
- Tindaħalx. Jekk jgħidulek li sejrin btala, li se jqaxxru xagħarhom “bil-lest”, li se jiżżewġu… ara ma tiftaħx ħalqek u tgħidilhom biex jaħsbuha dartejn. Mhux affarik. U ara ma tistaqsix jekk is-safra tkunx “għall-kura”.
- Insa l-kliem ‘jaħasra’ u ‘miskina’, u tagħmilx wegħdiet kontra wegħdiet li tkun se tmur taraha meta tkun l-isptar. Staqsi jekk tkunx tridek tmur. U forsi, wara kollox, ma tmurx l-isptar.
Aħjar elf kelma nieqsa, milli kelma waħda żejda.

Kittieba
Ġurnalista
Opinjonista