Select Page

Din il-ġimgħa hija ddedikata għall-għarfien fuq is-Saħħa Mentali. Is-Saħħa Mentali tinkludi l-emozzjonijiet tagħna u kif inħossuna, naħsbu u nirreaġixxu. Ma nistgħux insemmu s-saħħa mentali u ma nitkellmux fuq il-counselling.

X’inhu l-Counselling?

Counselling hu tip ta’ għajnuna emozzjonali li tiffaċilita li persuni jitkellmu fuq id-diffikultajiet li jkunu għaddejjin minnhom, u l-emozzjonijiet diffiċli li jkunu qed jesperjenzaw. Counsellor hija persuna speċifika (jiġifieri gradwata b’masters u warrant), li tipprovdi dan l-ispazju sigur, bla ġudizzju u b’mod kunfidenzjali.

Il-counsellor, bi snin ta studju, tkun attrezzata u mħarrġa b’metodi diversi u jkollha l-għodda neċessarja biex tgħin lill-klijent. Ħafna nies jaħsbu li jmorru għand counsellor u din tgħidlu x’għandu jagħmel. Dan mhux il-każ! Counsellor ma tagħtix pariri, u ma tgħidx lill-klijent x’għandu jagħmel. Il-klijent ikellem lill-counsellor fuq is-sitwazzjoni, l-emozzjonijiet u l-ħsibijiet li jkun qed jesperjenza, u l-counsellor bil-metodi varji tagħha tgħin lill-klijent sakemm dan isib l-aħjar għażla għas-sitwazzjoni tiegħu. Importanti nfakkru li l-counsellor mhix tabiba jew psikjatra, allura ma tistax tagħti mediċina.

Issa, kif tista’ persuna tkun taf li għandha bżonn tmur għand counsellor. Jista’ jkun hemm dawk li:

  • Jixtiequ jaraw x’inhu l-pass li jmiss f’ħajjithom.
  • Nies li jixtiequ li jkollhom iktar għarfien fuqhom infushom.
  • Nies li għaddew minn diversi esperjenzi ta’ saħħa mentali fosthom dipressjoni u ansjetà.
  • Nies li għaddew minn esperjenza diffiċli bħal abbuż, vjolenza domestika, divorzju, problemi fuq ix-xogħol eċċ.
  • Nies li għandhom problemi fir-relazzjonijiet jew familjari tagħhom.
  • Nies li tilfu lil xi ħadd.
  • Nies bi problemi ta’ drogi, alkoħol jew vizzju ieħor.

Jien nemmen li fil-qasam tas-saħħa mentali mxejna ħafna ‘l quddiem, però nemmen li bħala soċjetà għandna fejn naħdmu iktar. Li tmur ghand counsellor għax għandek bżonn titkellem ma’ xi ħadd għandha tkun normali daqs li tmur għand dentist jekk qed tuġgħak is-sinna. Li tieħu l-pilloli tal-ansjetà li tak il-psikjatra, għandha tkun normalizzata daqs li tieħu l-pilloli tad-dijabete, li tak it-tabib!

Biex nagħlaq, il-counselling huwa mod li jgħin persuni jsiru jafu iktar lilhom infushom, u jsibu modijiet kif ilaħħqu ma’ xi emozzjonijiet, sitwazzjonijiet u esperjenzi, u jagħżlu affarijiet għall-ġid tagħhom. Għandna bżonn nissapportjaw lil kull min ikun għaddej minn xi ħaġa, u ma niġġudikawx.

Bi kliemek, jaf twaqqaf lil xi ħadd milli jfittex l-għajnuna! Uża kliemek biex tgħin u tagħmel il-ġid.

Jekk għandek xi suġġett partikolari li tixtieq li nitkellmu dwaru, ibgħatilna fuq info@skoperta.net

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks