Din l-insalata tajba anke sħuna bħala kontorn ma’ xi platt tal-laħam.
Għandek bżonn (għal 4 porzjonijiet):
4 patatiet kbar
Basla kbira mqatta’ rqiqa
4 slices bejken, imqattgħin f’biċċiet żgħar
Mgħarfa tewm imqatta’ fin ħafna
Kuċċarina żerriegħa tal-kosbor
Kuċċarina żrieragħ tal-kemmun
Kuċċarina oregano
Niskata bżar
Mgħarfa żejt taż-żebbuġa
Mgħarfa sherry vinegar
Mgħarfa kosbor imqatta’ frisk biex iżżejjen
Metodu:
- Qaxxar u agħlli l-patata. Tħallihomx jirtabu wisq.
- Saffi l-patata u ħalliha tibred, u mbagħad qattagħha f’biċċiet kbar.
- F’taġen nonstick, aqli l-bejken, il-basla u t-tewm sakemm il-basla tirtab u l-bejken isir iqarmeċ.
- M’hemmx bżonn ta’ żejt għax huma jsiru fix-xaħam li joħroġ mill-bejken stess.
- Neħħi l-bejken, il-basla u t-tewm mit-taġen u poġġihom ġo skutella kbira.
- Fl-istess taġen, żid iż-żerriegħa tal-kosbor, iż-żerriegħa tal-kemmun, l-oregano u l-bżar.
- Qallihom għal żewġ minuti, u ħawwad kontinwament biex ma jeħlux u toħrog sew l-aroma taghħom.
- Neħħi minn fuq in-nar u żidhom mat-taħlita tal-bejken.
- Imbagħad żid ukoll il-patata ġol-iskutella.
- Żid iż-żejt u l-ħall u ħawwad sew biex tiksi l-patata bit-taħlita u l-ħxejjex aromatiċi kollha.
- Żejjen bil-kosbor frisk.
L-ikla t-tajba!
Jekk għandek xi mistoqsijiet dwar din ir-riċetta u oħrajn, ibgħatilna fuq info@skoperta.net
Ikkumenta

Kontributriċi