Matteo Debono, żagħżugħ ta’ 16-il sena u student tal-Mcast għamel proġett pjuttost partikolari bħala parti mill-istudji tiegħu.
B’kreattività u dedikazzjoni, dan iż-żagħżugħ ħoloq palk u l-wirja ideali għalih ta’ Destiny, li se tkun qed tirrapreżenta lil pajjiżna llejla fl-ewwel semi finali tal-Eurovision Song Contest.
Matteo għamel kuntatt ma’ skoperta.net u tkellem magħna dwar dan il-proġett daqstant kreattiv.
Dan il-proġett jismu ‘My Ideal Destiny’s Je Me Casse Performance’ u ġie magħmul minn affarijiet riċiklabbli. Għamel kollox kompletament hu, bid-direzzjoni, il-grafika, id-dawl, id-disinn tal-palk, l-iffilmjar, l-editjar, il-kulur, l-effetti tas-sound, kif ukoll il-kostruzzjoni tal-istage.
Qalilna li l-ħidma tiegħu fuq dan il-proġett damet għaddejja madwar xahar.
“L-ewwel, għamilt il-lista ta’ affarijiet li kelli bżonn għall-proġett tiegħi, u mbagħad għamilt il-lista tax-shots kollha, l-angoli tal-kamera u l-kumplament. Wara għamilt il-filming, li ħa madwar ġimgħa, għax kelli bżonn nagħmel dan bil-lejl u għalhekk kelli bżonn nibni l-palk u d-dawl kull darba. U mbagħad, l-iffilmjar ħadli medja ta’ ħames sigħat (mis-7.00 pm sa nofsillejl) għax inġibed fil-kċina tad-dar tiegħi, u l-aħħar ġimgħa ħallejtha għall-editjar.” qalilna Matteo.
