Il-Begonia Masoniana hija magħrufa wkoll bħala l-Iron Cross Begonia. Hija popolari għall-weraq sbieħ u partikolari tagħha. Kull werqa hija mmarkata b’disinn forma ta’ salib kannella fl-aħmar. Hemm possibilità li minnha tara wkoll fjuri bojod fir-roża, fir-Rebbiegħa u fis-Sajf, iżda dawn il-blanzuni huma insinifikanti meta mqabbla mal-weraq tant sbieħ. Li taqta’ l-fjuri jgħin biex ikollok weraq akbar u aktar b’saħħtu.
Poġġi l-pjanta tiegħek f’dawl qawwi u indirett, dan jgħin ukoll għall-kuluri tal-weraq.
Biddlilha l-pot sa daqs wieħed akbar biss, fir-Rebbiegħa. L-użu ta’ pot żgħira b’toqba tad-drenaġġ jgħin biex tevita ilma żejjed. Irranġa l-ħamrija bil-mod b’subgħajk b’mod li l-pjanta jkollha ftit arja madwar l-għeruq tagħha.
Issaqqihiex iżżejjed. Din hija waħda mill-ftit problemi li jista’ jkollok b’din il-pjanta. Il-Begonia Masoniana għandha għeruq rhizomtous li jiġbru l-ilma, għalhekk importanti li qabel ma ssaqqiha tħalli l-ħamrija tinxef ftit. Evita li xxarrab il-weraq għax minbarra li jittebbgħu, dan jista’ jikkawża moffa u fungus ieħor.
Din il-pjanta tħobb 50% ta’ umdità relattiva jew ogħla. Jekk m’għandekx daqshekk umdità fid-dar tiegħek, uża umidifikatur jew poġġi trej b’ċagħaq imxarrab biex iżżid l-umdità. Li tpoġġi pjanti oħrajn flimkien bħal begonji oħrajn, felċi u orkidej, jgħin biex tiżdied l-umdità fl-arja ta’ madwarhom.
Uża fertilizzant li jinħall fl-ilma kull xahar matul is-sena kollha. Iffertilizza meta l-ħamrija tkun diġà niedja.
Il-pjanti kollha tal-begonia huma tossiċi għall-annimali domestiċi. Minbarra hekk, din il-pjanta tista’ tkun attrazzjoni għal caterpillars, vine weevils, aphids u mealybugs, għalhekk ħu ħsieb li kemm jista’ jkun tipproteġiha minnhom.

Kontributriċi