Oprah Winfrey emozzjonat ruħha waqt li tkellmet aktar fil-miftuħ dwar l-esperjenza orribbli ta’ meta kienet tiġi stuprata ripetutament mill-kuġin tagħha stess minn meta kellha 9 snin.
Waqt li kienet qed titkellem fis-serje l-ġdida tagħha dwar is-saħħa mentali, The Me You Can’t See, li ħolqot flimkien mal-Prinċep Harry, il-preżentatriċi ta’ 67 sena, fakkret it-trawma tat-tfulija tagħha kkawżata minn abbuż sesswali.
Matul l-ewwel episodju, Oprah spjegat li lanqas biss kienet taf x’inhuma sess u stupru meta l-kuġin tagħha beda jistupraha.
Hija qalet li minn meta kellha 9 snin sa 12-il sena kienet tiġi stuprata ripetutament mill-kuġin tagħha.
“Ma kontx naf x’inhu stupru, ma kelli l-ebda idea ta’ x’inhu sess u minn fejn jiġu t-trabi, lanqas biss kont naf x’kien qed jiġri. U dak żammejtu sigriet.
“U kienet xi ħaġa li aċċettajt. Li tifla mhix sigura f’dinja mimlija rġiel.”
Din ma kinitx l-ewwel darba li Oprah iddiskutiet id-dettalji tal-istorja trawmatika tagħha ta’ abbuż sesswali.
Waqt li tkellmet fis-serje l-ġdida tagħha, Oprah saħqet għaliex huwa daqshekk importanti li taqsam dak li ġara lilha.
“Il-fatt li tgħid l-istorja, li tkun kapaċi tgħid “Dan hu dak li ġara lili” huwa kruċjali,” qalet.
Oprah kienet ukoll soġġetta għal forom oħra ta’ abbuż waqt it-tfulija tagħha inklużi dwar min-nanna tagħha u negliġenza minn ommha.
Hija emozzjonat ruħha hekk kif fakkret kif kienet imġiegħla titlaq mill-unika dar li qatt kienet taf u tmur tgħix m’ommha, li għaliha kienet mara barranija.
“L-unika ħaġa li għadha tbikkini sal-lum, minkejja li għaddew ħafna snin, hija l-mument meta mort ngħix f’Milkwaukee minn Attala County, Mississippi. Qatt ma kont għext ‘il bogħod minn nannti qabel u f’daqqa waħda kont qiegħda f’karozza li kienet se teħodni ‘l bogħod u qaluli li m’iniex se nerġa’ mara lin-nanna u se nkun qed ngħixu ma’ ommi” qalet Oprah.
“Omm li lanqas biss kont naf minħabba li ommi kienet parti minn dik il-migrazzjoni kbira li kienet telgħet fit-tramuntana u ħallew lil uliedhom man-nanniet.”
