Kienu għaddew ħafna snin imma kienet tidher għadha l-istess.
U iva, forsi kellha xi linja żejda fuq moħħha, forsi xagħarha kien xi ftit iqsar, kienet xi ftit aktar mibruma mill-aħħar darba li kont rajtha.
Kienet għadha sabiħa.
Amelia.
Għal mument, kont se nintilef u mmur niġri lejha, niġbidha u ngħannaqha b’passjoni kbira. Passjoni li kont ilni nżomm mistura ġewwa fija għal dan it-tul ta’ żmien kollu.
“Amelia!” ridt ngħajjat………..iżda gdimt ilsieni ħalli nżomm ruħi kompost.
Ħarist lejn il-ħġieġ tal-karozza tal-linja u rranġajt ftit xagħri. Ridt nidher tajjeb. Iddeċidejt li mmur inkellimha.
Iżda dak il-ħin, ħassejt kollox idur bija.
Xufftejja qalu isimha bilmod. Ħadd ma semagħni.
Amelia kienet qiegħda żżomm labranzetta lil wieħed li kien qiegħed maġenbha bilqiegħda! U f’idejha kellha ċurkett tat-tieġ!
Kienet iżżewwġitli!
Bla ma kont naf kif, x’fatta u xiex, qbadt daqqejt il-qanpiena tal-karozza tal-linja u saqajja ġrew bija lejn l-art, għal mument ma waqajtx għax il-karozza kienet għadha ma waqfitx għal kollox xħin ħriġt niġri ‘l barra minnha.
Qalbi maqsuma.
U ħarist lejn il-karozza tal-linja li kienet sejra ‘l bogħod minni, ġo fiha, l-imħabba ta’ ħajti.
U ġara dak li qatt ma stennejt.
Aċċident. Ħabta kerha. Żewġ vetturi u l-karozza tal-linja.
Eżatt quddiemi.
Kienet tidher ħabta verament kerha!
“Amelia!” werżaqt!
Amelia kienet fil-karozza tal-linja!
U ġrejt.
Ġrejt b’kemm kienu jagħtuni saqajja!
Ħaffift minn ġor-riħa ta’ demm, riħa ta’ brejkijiet maqtugħa, biki u għajjat!
Dħalt niġri fil-karozza tal-linja…………mort niġri lejha!
Hi u dak ta’ maġenbha kienu jidhru feruti sew! In-nies l-oħra, li parti minnhom kienu mejta u oħrajn kienu mweġġa’ serjament, bilkemm stajt narahom!
Qabadni paniku kbir!
“Amelia,” għidtilha, naqbadha minn spallejha mingħajr ma nċaqlaqha għax kont smajt li mhux suppost tagħmel hekk.
U r-raġel li kien hemm maġenbha, ħares lejja b’għajnejh mimlija uġigħ.
“Ħudli ħsiebha………….” qalli. “Ħudli ħsiebha…………..Jason.”
“Int…………..?” għidtlu jien.
Dan fejn kien jafni?
“Jien Teddy…………ħuha ż-żgħir……….insejtni?”
U f’dik il-ferneżija, qbadtilha idha u ħarist lejn iċ-ċurkett.
Iċ-ċurkett.
Iċ-ċurkett li kont tajtha jien stess. Ħafna snin ilu.
Il-fossa tiegħu kienet daret lejn in-naħa t’isfel ta’ idejha.

Avukata u Awtriċi