Il-membri tal-grupp mużikali Måneskin, rebbieħa tal-Eurovision Song Contest 2021, ċaħdu l-allegazzjonijiet li qed jixxerrdu fuq il-midja u qalu li se jagħmlu test tad-droga.
Filmat li beda jixxerred fuq il-midja soċjali juri lill-kantant ewlieni tal-grupp, Damiano David, ibaxxi rasu lejn il-mejda, qanqal bosta allegazzjonijiet li l-kantant seta’ kien qed jagħmel użu mid-droga.
Il-kantant ċaħad dawn l-allegazzjonijiet f’konferenza tal-aħbarijiet li saret wara l-festival. Huwa qal li baxxa rasu lejn il-mejda għax kienet inkisret tazza.
L-EBU qalet li l-grupp ċaħad bil-qawwa l-allegazzjonijiet u li se jagħmlu test voluntarju tad-droga meta jasal id-dar. L-organizzaturi qalu wkoll li l-grupp talab li t-test isir ilbieraħ stess iżda ma setax jiġi organizzat immedjatament mill-EBU.
L-EBU qalet ukoll li huma ġew infurmati li l-ebda droga ma kienet preżenti fil-Green Room u li l-kantant kien qed jiġbor il-ħġieġ tat-tazza li nkisret. Ikkonfermat ukoll li nstab il-ħġieġ fil-post fejn kienu u li se jkomplu jinvestigaw.
Għadu mhux ċar x’jista’ jiġri jekk il-kantant jittestja pożittiv għall-użu mid-droga, jew jekk l-investigazzjoni tal-EBU tippreżenta tweġibiet aktar definittivi.
