Kważi l-platti kollha tal-għaġin Taljani jeħtieġu vera ftit ingredjenti … u l-Carbonara mhix eċċezzjoni! Tjubija fis-sempliċità!
Għandek bżonn – (għal 4 porzjonijiet):
400g spagetti
200g guanciale, maqtugħ f’biċċiet żgħar irqaq
4 bajdiet
100g ġobon pecorino romano maħkuk
Bżar skont il-gosti tiegħek
Metodu:
- Imla borma kbira bl-ilma, żid ftit melħ, u poġġiha fuq in-nar waqt li tipprepara l-ingredjenti l-oħra.
- Imbagħad saħħan taġen fond nonstick u aqli l-guanciale fix-xaħam tiegħu stess sakemm isir iqarmeċ.
- Ħallih fit-taġen u warrbu għal issa.
- Ġo buqar ħawwad il-bajd, il-ġobon, u ftit bżar sakemm ikollok zalza qisha krema. Warrabha.
- Agħlli l-ispagetti għal madwar 12-il minuta sakemm isir ‘al dente’.
- Ħames minuti qabel ma l-ispagetti jkun sar, poġġi t-taġen bil-pancetta fuq nar medju u żid miegħu żewġ imgħaref mill-ilma tal-għaġin. Ħawwad u ħalliha ttektek.
- Warrab tazza mill-ilma tal-għaġin fil-każ li jkollok bżonn tuża ftit aktar tard.
- Saffi l-għaġin u immedjatament żidu ġot-taġen mal-pancetta u x-xaħam tagħha.
- Ħawwadhom sew għal madwar 2 minuti fuq nar qawwi.
Issa għall-parti delikata – trid tgħaġġel!
- Meta l-guanciale u l-ispagetti jitħalltu sew u jkunu sħan sew, itfi n-nar imma ħalli t-taġen fuq l-istess burner, biex jibqgħu fuq is-sħana.
- Jekk tħalli n-nar mixgħul, il-bajd se jissajjar wisq u jiġi qisu scrambled eggs.
- Kif titfi n-nar, mejjel it-taġen biex l-ispagetti jaqa’ għal naħa waħda, u ferra s-sauce tal-bajd u l-pecorino fuq l-ispazju vojt.
- Issa ħawwad malajr kemm tista’ sabiex il-bajd ikun totalment inkorporat fl-ispagetti mingħajr ċapep.
- Il-konsistenza hija importanti ħafna. Jekk tara li huwa niexef wisq meta tkun qed tħallat, żid ftit imgħaref mill-ilma li warrabt tal-għaġin.
- Jew, jekk hemm wisq likwidu, żid mgħarfa ġobon.
- Servi immedjatament.
- Żejjen bi ftit biċċiet ta’ guanciale mqarmċin, pecorino maħkuk u bżar.

L-ikla t-tajba!
Jekk għandek xi mistoqsijiet dwar din ir-riċetta u oħrajn, ibgħatilna fuq info@skoperta.net
Ikkumenta

Kontributriċi