Fl-aħħar artiklu tkellimt dwar il-frustrazzjoni li ġġib magħha l-fibromyalgia. Nirringrazzjakom tal-kummenti tagħkom u talli qed taqsmu l-esperjenza tagħkom tal-fibromyalgia. Huwa mezz importanti ħafna biex nitgħallmu minn xulxin. Fl-aħħar artiklu għalaqt dwar l-istress u l-fibromyalgia, u llum se nitkellem aktar dwar din ir-relazzjoni fid-dettall.

L-istress sar kważi l-akbar għadu fid-dinja li qed ngħixu fiha. L-istress, meta kkontrollat huwa addattiv għax jgħinna nkunu produttivi u effiċjenti. Kulħadd għandu l-limitu tiegħu sa fejn l-istress ikun tajjeb, meta naqbżu dan il-limitu jibdew ġejjin il-konsegwenzi. Għalhekk huwa importanti li nagħrfu kif l-istress jaffettwana. Kulħadd huwa suġġett għall-istress, anke nies bil-kundizzjoni tal-fibromyalgia.

L-istress kontinwu li jista’ jkun ġej mill-familja, xogħol, il-fibromyalgia stess jew affarijiet oħra jista’ jwassal għal tibdil fil-perċezzjoni tal-uġigħ. X’jiġifieri? Jiġifieri li wieħed peress li huwa stressjat ħa jħoss l-uġigħ aktar milli kieku mhux stressjat. L-istress għoli jħalli effett ukoll fuq is-sistema tal-immunità. L-istress jista’ jattiva s-sistema tal-immunità li jikkawża inflamazzjonijiet fil-ġisem li dan ukoll jista’ jwassal għall- uġigħ.

X’tista’ tagħmel jekk tbati mill-fibromyalgia u qed tħossok stressjat?

L-ewwel ħaġa li nistiednek tagħmel hi li tipprattika ftit gratitudni billi tħares madwarek u tara x’affarijiet li inti grata lejhom u tista’ tapprezza. Eżempju, sentenzi bħal minkejja l-uġigħ li għandi llum xorta nista’ mmur għax-xogħol. Jew inkella, minkejja l-għeja llum xorta rnexxieli nsajjar għalija u għall-familja. Dan it-tip ta’ diskors huwa aktar pożittiv u differenti milli kieku ngħidu ‘uff’ jew ‘ajma’. Importanti li naraw x’nistgħu nbiddlu fil-pożittiv, għax meta nitkellmu bil-pożittiv, naħsbu fil-pożittiv, inħossuna pożittivi wkoll.

It-tieni ħaġa li nistiednek tagħmel meta dejjem tista’ hi li tagħmel l-eżerċizzju u tkun attiv. Tista’ tmur mixja ta’ kwarta jew għoxrin minuta kuljum, kemm tieħu naqra arja u tiċċaqlaq ftit. Jekk l-uġigħ ma jagħtikx tmur mixja, ipprova ftit stretching id-dar stess jew yoga, kemm iċċaqlaq ftit il-muskoli tiegħek.

It-tielet ħaġa li nistiednek tagħmel hi li tikkomunika man-nies ta’ madwarek dwar dak li qed tħoss u li għaddej minn moħħok. Jaf forsi kultant insibuha diffiċli nesprimu ruħna speċjalment jekk ta’ madwarna ma jifhmux dak li qegħdin ngħaddu minnu. Ħadd ma jista’ jaqralna moħħna u allura jekk hemm xi ħaġa li qed tkiddna jew tagħmlilna l-ħsara tajjeb li nitkellmu dwarha b’mod li nirrispettaw id-dinjità ta’ ħaddieħor.

L-aħħar ħaġa li nistiednek tagħmel hi li tfittex għajnuna professjonali biex jgħinuk tagħmel it-tibdiliet neċessarji biex tkun tista’ tikkontrolla l-istress u l-uġigħ tiegħek aħjar. Ma fiha xejn ħażin billi titlob l-għajnuna biex tkun tista’ tiġi aktar issapportjat.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks